Lokali

L-inċidenti tat-traffiku jiżdiedu bi 8.4% fl-ewwel kwart tas-sena – Birkirkara bl-ikbar ammont

Meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2018, fl-ewwel kwart ta’ din is-sena pajjiżna ra żieda ta’ 8.4% fl-inċidenti tat-traffiku għal total ta’ 3,656.

Dan joħroġ minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li jinnota wkoll kif l-ikbar ammont ta’ inċidenti kien reġistrat fid-distrett li jiffurmaw parti minnu Tas-Sliema u San Ġiljan. F’dawn l-inħawi seħħew 1,375 inċident tat-traffiku jew 37.6% tat-total.

Minkejja dan, fortunatament, l-ammont ta’ persuni li sofrew xi ġrieħi f’dawn l-inċidenti naqas bi 3% għal total ta’ 360 vittma.

Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena kien hemm 30 sewwieq, sitt passiġġieri u 23 persuna oħra li kienu fit-triq, li sofrew ġrieħi gravi waqt li sewwieq wieħed tilef ħajtu. Fl-ewwel kwart tas-sena li għaddiet kienu mietu tliet persuni kawża ta’ inċidenti tat-traffiku.

Meta wieħed iħares lejn il-vetturi involuti, il-maġġoranza assoluta kienu dawk tal-passiġġieri b’63.1% waqt li kien hemm 21.7% tal-inċidenti li nvolvew muturi u 9.4% li jintużaw għall-ġarr tal-merkanzija.

Skont l-istatistika, l-agħar jum għall-inċidenti hu l-Ġimgħa b’600 każ reġistrat, waqt li l-ikbar ammont ta’ persuni li sofrew xi ġrieħi kien nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ħadd bl-agħar ħinijiet ikunu bejn id-9 u nofsinhar.

L-ogħla frekwenza ta’ inċidenti kienet reġistrata f’Birkirkara, bi 320 każ, segwita minn Ħal Qormi u l-Mosta b’210 u 176 każ rispettivament.