Lokali

Miġbura €18,320 għal Dar Bjorn jiem qabel il-festa ta’ San Ġużepp

F’nofs ir-raħal ċkejken ta’ Ħal Għaxaq wieħed isib is-sede tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp. Soċjetà Mużikali li ġiet imwaqqfa fl-1874. Minn dik is-sena ’l quddiem din l-Għaqda baqgħet tikber u taħdem biex ittella’ l-festa f’ġieħ San Ġużepp li tiġi ċċelebrata ta’ kull sena fl-ewwel Ħadd ta’ Ġunju. Fi ħdan din l-Għaqda wieħed isib numru sabiħ ta’ volontiera li jagħmlu parti minn diversi kummissjonijiet bħal ngħidu aħna dawk taż-Żgħażagħ, tal-Armar, tan-Nisa u tan-Nar fost oħrajn.

Għal din is-sena, il-Kumitat Ċentrali flimkien mal-Kummissjonijiet, ħaseb biex ġimagħtejn qabel il-festa, propju fis-17 ta’ Mejju, 2019, jiġi mtella’ kunċert b’risq Dar Bjorn u l-proġett ġdid tiegħu. Kull min attenda għal dan il-kunċert seta’ japprezza kemm artisti Maltin u kif ukoll dawk barranin. Id-dħul għal dan il-kunċert kien bla ħlas, iżda fil-bieb intlaqgħu donazzjonijiet biex jgħinu lil Dar Bjorn. F’dan il-kunċert ħadu sehem Vinyl Paradise, Airport Impressions, DJ Pierre Cordina u l-grupp barrani Break Free, tribute band tal-grupp leġġendarju Queen. Waqt id-debutt tagħhom, wieħed seta’ japprezza t-talent mużikali u jerġa’ jgħix il-mumenti sbieħ ta’ dan il-grupp famuż.

Il-volontiera kollha fi ħdan l-Għaqda Mużikali San Ġużepp jemmnu bis-sħiħ li attivitajiet simili li jiġbru fondi għal għaqdiet bħalma hi ALS Malta, huma essenzjali fis-soċjetà li qed ngħixu fiha. Għaqdiet bħal dawn li jgħinu nies li sfortunatament ħakmithom xi marda, jiġu bżonn ammonti kbar ta’ flus biex ikomplu jmexxu id-djar tagħhom.

Fil-kunċert li ssemma’ aktar ‘il fuq inġabret is-somma sabiħa ta’ €18,320 minn donazzjonijiet li taw in-nies fid-dħul tal-kunċert. Din is-somma ser tmur kollha għal Dar Bjorn u l-proġett il-ġdid tiegħu li jikkonsisti f’dar ikbar għan-nies kollha li jbatu mill-marda tal-ALS. L-Għaqda Mużikali San Ġużepp u l-volontiera kollha li jagħmlu parti minnha, jħossuhom ferm kburin li kienu ta’ għajnuna għall-proġetti ta’ Bjorn Formosa u jwiegħdu li ser ikomplu jkunu ta’ għajnuna għal min hu fil-bżonn tul is-snin li ġejjin.

Issa ħidmet l-Għaqda Mużikali San Gużepp ser iddur fuq l-organiżżazzjoni tal-festa, fejn din is-sena qiegħed jiġi ċċelebrat bi kbir il-100 Anniversarju mit-twaqqif tal-kamra tan-Nar San Gużepp ta’ Ħal Għaxaq.  Fost iċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru matul il-ġimgħa, nhar l-Erbgħa 29 ta’ Mejju ser jittella’ spettaklu mill- Versatile Brass Band li magħhom se jkollhom mistiedna lil Ira Losco. Dan l-anniversarju jilħaq il-qofol tiegħu nhar is-Sibt 1 ta’ Ġunju bl-ispettaklu tan-nar Flames Of Fire. L-Għaqda Mużikali San Gużepp tistieden lil kulħadd  jżur ir-raħal ta’ Ħal Għaxaq f’dawn il-jiem.