Lokali

Milqugħa talba urġenti għal Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea fil-konfront ta’ Vitals

Il-Qorti laqgħet talba urġenti li saret mill-għaqda mhux governattiva Repubblika biex tinħareġ Ordni għal Investigazzjoni Ewropea. Dan wara li The Shift News żvelat li Sri Ram Tumuruli, direttur ta’ Vitals Global Healthcare, illikwida disa’ kumpaniji offshore f’isem Vitals.

The Shift iddikajrat din il-mossa bħala tindifa kbira min-naħa ta’ Vitals, il-kumpanija li kellha t-tmexxija tat-tliet sptarijiet ta’ pajjiżna, ftit jiem wara li saret talba għal investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-Ministri Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona, kif ukoll Ivan Vassallo.

Dan b’rabta mal-bejgħ mill-Gvern tal-isptarijiet Mater Dei, San Luqa u Karen Grech, bil-Ministri akkużati li kienu kompliċi fil-bejgħ bix-xejn tal-isptarijiet lill-privat.

Fl-applikazzjoni li tressqet minn Repubblika quddiem il-Qorti, kien dikjarat li l-għeluq tal-kumpaniji offshore jikxfu għaliex l-istess Ministri talbu lill-Qorti għal ċans ta’ xahrejn biex ikompli l-każ.

Jingħad ukoll li l-attentat ta’ Tumuluri biex jagħlaq dawn il-kumpaniji hu attentat ieħor biex kemm jista’ jkun inaddaf ix-xena tar-reat bil-mossa deskritta bħala maħmuġa, xokkanti u suspettuża.

Fid-dawl ta’ dan, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit laqghet it-talba ta’ Repubblika biex tkun preservata l-evidenza u t-traċċi kollha fl-aqwa interess tal-ġustizzja.

Intlaqgħet ukoll talba biex l-Avukat Ġenerali jkun ordnat jitlob lill-Qorti Kriminali biex tippubblika ordni ta’ sorveljanza biex l-evidenza materjali kollha tkun preservata biex b’hekk l-eventwali inkjesta kriminali ssir bl-aħjar mod possibbli.

L-applikazzjoni kienet iffirmata mill-Avukat Jason Azzopardi.