Sport

Riżultati pożittivi miż-żgħażagħ Maltin fil-Logħob tal-COJI

L-atleti tal-karate

Kontinġent ta’ atleti żgħażagħ fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti qed jieħdu sehem fil-Logħob tal-Gżejjer magħrufa bħala COJI, bl-edizzjoni ta’ din is-sena qed issir f’Corsica. Fl-atletika nkisbu suċċessi b’serje ta’ riżultati pożittivi.

Fil-100 metru tan-nisa, Sarah Bartolo spiċċat fit-tieni post u Alessia Cristina temmet it-tielet. Fix-shot put tal-irġiel, Kyle Caruana kiseb it-tielet post filwaqt li Beppe Grillo temm ukoll it-tielet iżda fil-100 metru tal-irġiel. Sarah Chouhal spiċċat l-ewwel fil-hammer filwaqt li fit-tielet post daħlet Miraya Cassar.

Fl-400 metru tal-irġiel, Luca Farrugia u Daniel Borg Ferrante kisbu l-ewwel u t-tielet post rispettivament. Ix-shot put tan-nisa ntrebħet minn Miraya Cassar. Sarah Chouhal kisbet riżultat pożittiv ieħor bit-tielet post fl-400 metru filwaqt li Kyle Caruana kiseb it-tielet post fil-hammer. Fit-800 metru tan-nisa, Josepha Marie Micallef spiċċat it-tieni filwaqt li Kyle Caruana ddistingwa ruħu wkoll fid-discus meta spiċċa l-ewwel.

Fl-għawm fost il-midalji mirbuħa, nkiseb it-tieni post fir-relay tan-nisa tal-4×100 metru. Nirvana Micallef ġiet it-tielet fil-100 metru breaststroke filwaqt li Thomas Woods daħlet it-tielet fl-400 metru individual medley. Fil-karate, Emma Farrugia ġiet ir-raba’ fil-50 kilo, Kai Leyshon temm l-ewwel fil-kadets tas-67 kilo u Sonique Gatt kisbet it-tieni post fil-50 kilo kadets.