Sport Sport Ieħor

Zakarin jirbaħ l-ewwel stadju tiegħu fil-Giro d’Italia mill-2015

(Ritratt: EPA)

Ir-Russu Ilnur Zakarin rebaħ it-13-il stadju tal-Giro d’Italia hekk kif il-Britanniku Tao Geoghegan Hart irtira wara li waqa’ f’dan l-istadju mimli attività. Il-favoriti Primoz Roglic u Vincenzo Nibali qasmu l-linja flimkien, żewġ minuti u 57 sekonda wara Zakarin.

L-aħħar darba li r-Russu rebaħ stadju fil-Giro d’Italia kien fl-2015 u b’din ir-rebħa tela’ fit-tielet post fil-klassifika ġenerali. Iċ-ċiklist ta’ 29 sena attakka fl-aħħar żewġ kilometri f’telgħa u kundizzjonijiet diffiċli biex qabeż lil Mikel Nieve u Mikel Landa li daħlu t-tieni u t-tielet rispettivament. F’kummenti wara l-logħba, Zakarin qal li ma tantx kien fadallu saħħa fl-aħħar telgħa u issa jista’ jimmira għal post mal-ewwel ħamsa. L-erbatax-il stadju għandu distanza ta’ 131 kilometru, minn Saint Vincent sa Courmayeur b’ħames tlajja differenti.

Kif spiċċaw it-13-il stadju: 1. Ilnur Zakarin (5:34.40), 2. Mikel Nieve (+0.35), 3. Mikel Landa (+1.20), 4. Richard Carapaz (+1.38), 5. Bauke Mollema (+1.45)

Klassifika Ġenerali: 1. Jan Polanc (54:28.59), 2. Primoz Roglic (+2.25), 3. Ilnur Zakarin (+2.56), 4. Bauke Mollema (+3.06), 5. Vincenzo Nibali (+4.09)