L-eks plejer internazzjonali Taljan Gianluca Zambrotta kien il-mistieden ewlieni tas-Symposium organizzat mill-MFA dwar id-dinja diġitali. F’din il-konferenza ġie diskuss is-suġġett tad-dinja diġitali li fl-aħħar snin iddominat ix-xena tal-futbol, b’diversi avvanzi teknoloġiċi jħallu impatt kif ukoll bidlu l-futbol.
Zambrotta faħħar is-sbuħija ta’ pajjiżna, pajjiż li inċidentalment kien id-debutt tiegħu mat-tim nazzjonali Taljan ta’ taħt il-21 sena lura fl-1998. Fost l-unuri li rebaħ tispikka t-Tazza tad-Dinja fl-2006, perjodu li Zambrotta qal li l-media soċjali ma kinitx għadha teżisti u għalhekk kien ferm differenti mill-preżent. Zambrotta qal li għalkemm hemm ħafna vantaġġi, plejer irid joqgħod attent kif juża l-media soċjali għaliex tista’ anki ttappan l-immaġni tiegħu bħala plejer.
Waqt l-intervista mal-ġurnalist ta’ The Times of Malta Gianluca Lia, Zambrotta qal li l-idolu tiegħu hu Roberto Baggio u rrakkonta episodju meta Baggio mar jirringrazzjah wara li f’intervista ġimgħa qabel kien sostna dan il-ħsieb. Minn meta rtira, Zambrotta kien kowċ fl-Iżvizzera, l-Indja u ċ-Ċina. It-Taljan żied li ċ-Ċina huma avvanzati ħafna fid-dinja diġitali u kompla li jinsabu f’avvanza ukoll mill-aspett kalċistiku u jemmen li se jkomplu jikbru fiż-żewġ aspetti.
Hu kien mitlub jagħti parir liż-żgħażagħ li jilagħbu l-futbol. “Irid ikollok mira lejn objettiv għaliex jekk ma jkollokx mira ma tasalx. Il-passjoni u s-sagrifiċċju jibqgħu importanti għaliex ħafna żgħażagħ jaqgħu mal-ewwel intopp u dak il-parir li nagħti biex ma jċedux mal-ewwel diffikultà li jsibu.”
Di Marzio impressjonat b’pajjiżna
Gianluca di Marzio hu ġurnalist Taljan ta’ Sky Italia sinonimu mas-suq tat-trasferimenti b’mod speċjali mal-futbol Taljan. F’kummenti li dan il-ġurnal irnexxielu jieħu, di Marzio qal li ħafna drabi ma’ Malta jkun assoċjat ix-xemx u l-vaganzi, iżda kien impressjonat bis-Symposium organizzat tajjeb.
Hu żied li qed isir aktar sinonimu mal-futbol Malti minħabba l-influss ta’ plejers iżda aktar kowċis Taljani, bl-aħħar wieħed ikun Manuele Blasi li nħatar kowċ ta’ Ħamrun Spartans. Hu jemmen li b’dak li ra, teżisti l-motivazzjoni neċessarja biex il-futbol Malti jkompli jikber u saħaq li jkun interessat jerġa’ jżur pajjiżna fil-futur.
Uħud mill-punti diskussi fis-Symposium
F’dan is-Symposium ħadu sehem diversi kelliema, bil-Malta Football Association ħasbet biex iġġib erba’ mistiedna ta’ importanza. Minbarra Zambrotta, kien hemm preżenti wkoll il-ġurnalist sportiv Taljan Gianluca di Marzio, il-Kap tal-Marketing tal-UEFA Roman Putsch u Christian Volk, Direttur tal-eFootball u Gaming tal-FIFA.
Preżenti wkoll il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo li b’mod partikolari qal li b’din l-inizjattiva, sar aktar konxju tal-e-sports u qed jirrikonoxxi dan l-isport. Hu żied li b’dan l-avvanza, jista’ jkun li dak li Malta ma tistax tikseb fil-pitch, tista’ tiksbu fl-e-sports.
Mistoqsi dwar jekk il-logħob diġitali jistax itellef il-futbol milgħub, Christian Volk qal li t-tnejn jistgħu jgħixu flimkien u żied li ħafna persuni speċjalment tfal, jidħlu fil-futbol permezz tal-logħob diġitali. Hu saħaq dwar l-importanza li jinżammu t-tnejn.
Fil-preżentazzjoni tiegħu, Roman Putsch tkellem dwar kif il-kontenut fuq il-media soċjali jqarreb lill-partitarji aktar mal-logħob filwaqt li jagħti opportunità akbar lill-aspett kummerċjali. Tul il-preżentazzjoni hu tkellem dwar kif kibret il-UEFA Champions League f’termini ta’ reklamar tal-kompetizzjoni u żied li dan kollu hu distakkat mill-ħidma nnifisha tal-UEFA.
//= $special ?>