Lokali Unjoni Ewropea

32% jivvutaw għall-Parlament Ewropew sas-2pm

Jonqsu l-persentaġġi għajr fit-8 Distrett b'żieda ta' 1% fuq l-2014

Il-Kummissjoni Elettorali kkonfermat iċ-ċifra rrappurtata minn NET News, meta kkonfermat li sas-2pm ivvutaw 32% tal-elettorat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali qalet ukoll li t-turnout sas-2pm għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kienet ta’ 27.6%.

Din iċ-ċifra turi li l-ammont ta’ nies li ħarġu jivvutaw għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew hi fl-istess ilma tal-elezzjoni Ewropea tal-2014.

Normalment, għall-ħabta tal-4.30pm, il-Kummissjoni Elettorali tippubblika ċ-ċifra uffiċjali tat-turnout sas-2pm. Iżda din id-darba, iċ-ċifra uffiċjali ħarġet għall-ħabta tas-7.15pm.

Mhux magħruf għaliex din id-darba, din iċ-ċifra damet daqstant biex tkun ippubblikata.

Iċ-ċifri uffiċjali ta’ kull distrett

Dawn huma ċ-ċifri ta’ kemm marru jivvutaw nies sas-2pm għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ din is-sena, imqabbla ma’ dawk tal-aħħar elezzjoni:

Fl-1 Distrett, din is-sena vvutaw 36.8%, tnaqqis irreġistrat meta mqabbla mal-2014 fejn kienu vvutaw 39.6%.

Fit-2 Distrett, fl-2019 ipparteċipaw 34.98%, waqt li fl-2014 kien hemm 35.3%.

Fit-3 Distrett ħarġu jivvutaw 31.93% sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar – tnaqqis sostanzjali meta mqabbla mal-2014, meta ħarġu jivvutaw 33.3%.

Fir-4 Distrett – hemm 35.28% li vvutaw din is-sena, filwaqt li fl-2014 ivvutaw 38.2%.

Fil-5 Distrett, din is-sena vvutaw 31.87%, meta fl-2014 ħarġu jivvutaw 32.4%.

Fis-6 Distrett, fl-2017 ħarġu jivvutaw 33.61% filwaqt li fl-2014 35.4% ivvutaw.

Fis-7 Distrett sal-ħin tas-sagħtejn kienu 31.62% li vvuttaw illum – meta fl-2014 vvutaw 32%.

Fit-8 Distrett kienu 34.45% li vvutaw illum, żieda meta mqabbla mal-33.4% tat-8 distrett.

Fid-9 Distrett, tnaqqis ieħor fil-voti mitfuħa, hekk kif illum ivvutaw 31.14%  – filwaqt li fl-2014 ivvutaw 32.3%.

Fl-10 Distrett ħarġu jivvutaw 29.6% – tnaqqis meta mqabbel fl-2014 kienu 35.8% li ħarġu jivvutaw.

Fil-11-il Distrett elettorali llum vvutaw 30.8%, meta fl-2014 ivvutaw 32.9%.

Fit-12-il Distrett kienu 26.8% li vvutaw sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar, filwaqt li fl-2014 ivvutaw 28.6%.

Fit-13-il Distrett illum ivvutaw 31.3%, meta fl-2014 ivvutaw 32.1%.

Dan ifisser li l-unika żieda fil-voti mitfugħa sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar saret fit-8 Distrett – b’żieda ta’ madwar 1% meta mqabbla mal-2014.