Internazzjonali

Brittaniku jitlef ħajtu fuq il-Muntanja Everest

Brittaniku tilef ħajtu fuq il-Muntanja Everest sabiex issa l-ammont ta’ vittmi li tilfu ħajjithom dan l-istagun waqt li provaw jilħqu l-quċċata tal-muntanja laħqu xejn inqas minn għaxar persuni.

S’issa l-ammont ta’ mejta diġà qed jiżboq dak tal-2018 hekk kif bosta saħqu li qed ikun hemm wisq persuni jiprovaw jilħqu l-quċċata b’konsegwenzi perikolużi ferm.

Allegatament il-Brittaniku tilef ħajtu wara li marad f’daqqa hekk kif kien nieżel lura. Madanakollu l-missier ta’ tnejn m’huwiex l-unika persuna li tilef ħajtu din il-ġimgħa. Irlandiż li ntilef jumejn ilu, qed iqisuh bħala mejjet – madanakollu l-ġisem għadu ma nstabx.

Aktar kmieni din il-ġimgħa erbgħa persuni mill-Indja, ieħor min-Nepal, Awstrijak u Amerikan sfortunatament tilfu ħajjithom fuq il-muntanja.

Il-pajjiż tan-Nepal preżentament jinsab taħt skrutinju hekk kif ħarġu rekord ta’ 381 permess għall-istaġun tar-rebbiegħa – għall-prezz ta’ ftit inqas minn €10,000.

Ritratt ippublikat onlajn wera xena xejn pjaċevoli ta’ kju twil ta’ nies tilgħin il-quċċata tal-Everest. Filwaqt li l-kundizzjonijiet tat-temp fl-aħħar jiem ma kien favorevoli xejn, in-numru qawwi ta’ nies tilgħin u neżlin il-muntanja, u ż-żieda ta’ vittmi, waslu għal bosta tħassib.

S’issa din is-sena rnexxielhom jilħqu l-quċċata tal-muntanja rekord ta’ 807 persuna.