Lokali Qorti

Liam Debono jinżamm arrestat

Saq għal darb'oħra mingħajr liċenzja

Jinżamm arrestat iż-żagħżugħ Liam Debono hekk kif għal darb’oħra inqabad isuq mingħajr liċenzja. Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Meta dalgħodu Debono tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, issemma’ kif is-Surġent Kevin Curmi kien għaddej qrib r-roundabout ta’ Ħal Luqa bil-karozza personali tiegħu meta lemaħ lill-akkużat isuq karozza bajda tat-tip Fiat.

Is-Surġent Curmi baqa’ jsegwi lil Debono filwaqt li kkuntatja lill-pulizija tal-RIU, li dawn immedjatament bagħtu pulizija tad-distrett biex jassistuh.

Jidher li meta l-imputat sema’ s-sirena fil-viċin, hu saq fi triq sekondarja – Triq Mikiel Ang Sapiano – fejn immedjatament biddel postu ma’ Jason Zammit, li kien passiġġier miegħu.

Skont is-Surġent Curmi, hu ra lil Debono ibiddel postu minn ġewwa l-karozza filwaqt li Zammit ħareġ mill-karozza biex jieħu post is-sewwieq.

Mill-Qorti ħareġ illi skont Liam Debono hu saq biss għal ftit minuti.

L-Ispettur Fabien Fleri qal li fl-aħħar ġimgħat kellhom diversi rapporti dwar Liam Debono jsuq b’karozzi differenti. Iż-żewġ karozzi jidhru li huma reġistrati fuq iż-żewġt itfal ta’ Jason Zammit.

Waqt l-arrest, Liam Debono rrifjuta li jkollu avukat.

Iż-żagħżugħ inżam arrestat u l-kawża mistennija li tkompli nhar l-Erbgħa 29 ta’ Mejju fid-9am.

Preżentament Debono qed jiffaċja akkużi serji wara li s-sena li għaddiet saq għal fuq il-kuntistabbli Simon Schembri.