Lokali Saħħa

FILMAT: Applikazzjoni “mhux kompluta”

Tisparixxi mid-'database' tal-Awtorità tal-Ippjanar

Applikazzjoni li kienet dikjarata bħala “mhux kompluta” għall-masterplan dwar il-bini ta’ sptar ġdid f’Għawdex, flimkien ma’ ristrutturar tal-isptar eżistenti, sparixxiet mid-database pubblika tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Dan kien żvelat mill-ġurnal The Times of Malta, li fakkar fil-kontroversja li ġabet is-sħubija bejn il-Gvern u l-Privat ħalli Steward Healthcare ħadet kontroll ta’ tliet sptarijiet pubbliċi.

Skont il-ftehim, din il-kumpanija kellha tibni sptar ġdid f’Għawdex sa Mejju tas-sena li għaddiet – fi żmien tliet snin minn meta daħal fis-seħħ il-kuntratt – u ristrutturar tal-isptar attwali sa Settembru li għadda.

Madankollu, il-proċessi għadhom lura ferm, tant li l-Awtorità tal-Ippjanar neħħiet kull dettal tal-applikazzjonijiet għax huma meqjusa bħala “mhux kompluta”. Fil-fatt, il-ġurnal ikkwota kelliem għall-Awtorità, li qal li l-applikazzjoni lanqas biss għadha qed titqies għall-monitoraġġ.

Ikun biss meta ta’ Steward Healthcare jippreżentaw applikazzjoni kompluta li l-applikazzjoni tibda titqies għall-monitoraġġ tal-Awtorità.

Min-naħa tiegħu, kelliem għall-kumpanija kkonfermat id-dewmien fil-proġett, fejn iddikjara li Steward Healthcare se tibqa’ taħdem mill-qrib mal-Awtorità tal-Ippjanar ladarba l-proġett jimxi ‘l quddiem. Madankollu, hu ċaħad li l-applikazzjoni waqfet.