Sport Sport Ieħor

Kyle Camilleri jkompli jiddomina Klassi A tal-Kampjonat Motocross

(Ritratt: Mario Micallef)

L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat is-sitt attività mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross għal dan l-istaġun. Għal din l-attività rreġistraw 26 mutur fejn għall-ewwel darba f’dan l-istaġun kien hemm parteċipazzjoni ta’ tliet sewwieqa Taljani li apposta biex jieħdu sehem f’din l-attività.

Kyle Camilleri fuq KTM reġa’ ddomina fi Klassi A biex irreġistra rebħa oħra f’dan l-istaġun. Hu kien segwit minn Bernard Sammut fuq mutur Beta. Fi Klassi B, kien hemm 13-il mutur fil-linja tat-tluq. Garry Debono fuq KTM spiċċa rebbieħ hekk kif spiċċa t-tieni fl-ewwel tellieqa u l-ewwel fit-tieni tellieqa.  Hu kien segwit minn Ryan Faenza fuq Yamaha u l-Għawdxi Jorn Stellini fuq KTM.

It-tliet Taljani li ħadu sehem fi Klassi B kienu Vincenzo Barone fuq Kawasaki, Emanuele Bongiovanni fuq Suzuki u Fabio Galota fuq Kawasaki. Minkejja li din hi l-ewwel esperjenza tagħhom f’pajjiżna, Galota spiċċa fil-ħames post, Bongiovanni temm is-seba’ u Barone spiċċa fl-għaxar post. Huma kienu rappreżentati b’tifkira ta’ parteċipazzjoni mill-ASMK.

Fil-Klassi tal-Veterani, Carmelo Borg fuq Suzuki ddomina segwit minn Paul Deguara fuq KTM. Fit-tielet post temm William Sant fuq Honda.  Attività oħra tal-istess kampjonat issir fit-2 ta’ Ġunju bl-attività tibda fl-10.00am.

Intant l-ASMK, ħabbret żewġ dati importanti hekk kif is-Sibt 13 ta’ Lulju se ssir l-aħħar attività tal-kampjonat Autocross li tagħlaq bil-Van Demolition Derby. Imbagħad fis-27 ta’ Ottubru se jiftaħ l-istaġun il-ġdid bit-tieni edizzjoni tad-Demolition Derby tan-nisa.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq is-sit elettroniku tal-ASMK www.asmk.org.mt, fil-paġna ta’ facebook ASMK, b’email fuq info@asmk.org.mt jew isir kuntatt fuq 99425489.

Il-Ħadd l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se tkompli b’tiġrija Autocross mill-Kampjonat Nazzjonali. Din se tkun id-disa’ attività minn 12 f’dan l-istaġun u se ssir fil-Kumpless tal-ASMK f’Ta’ Qali u tibda f’12.00pm.

Glenn Borg f’Santa Pod

Fi tmiem il-ġimgħa, Glenn Borg se jkun impenjat f’Santa Pod fl-Ingilterra fejn se jieħu sehem fil-Kampjonat Ewropew tad-Drag Racing bil-mutur Suzuki Hyabusa. Borg bħalissa jinsab għaddej bil-preparamenti meħtieġa biex illum u għada jkun qed jagħmel il-ħinijiet uffiċjali.

Tags