Kunsilli Lokali Lokali Unjoni Ewropea

L-akbar differenza fit-turnout sas-2pm tidher fl-10 Distrett

Diskrepanza kbira f'żona b'ħafna votanti barranin reġistrati

Skont it-turnout uffiċjali maħruġ mill-Kummissjoni Elettorali sas-2pm, għadu kmieni wisq li wieħed jinterpreta ċ-ċifri iżda teżisti diskrepanza kbira bejn l-10 Distrett u distretti oħra bħat-2 u r-4 Distrett.

Kliem is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Clyde Puli, meta kien qiegħed jitkellem fuq Net Television wara li għalqu l-postijiet tal-votazzjoni.

Dan meta t-turnout fl-10 Distrett naqas b’6% fuq l-2014 meta fit-2 Distrett fost l-oħrajn, kien hemm tnaqqis minimu ta’ 0.3% sas-2pm meta mqabbel mal-2014. Dan meta wieħed irid iqis il-popolazzjoni f’lokalitajiet bħal tas-Sliema, il-Gżira u San Ġiljan hija ddominata bil-barranin li neċessarjament lanqas għadhom jgħixu Malta.

It-tnaqqis ta’ 2% madwar il-pajjiż kollu sas-2pm qegħda tkompli mat-trend ta’ dawn l-elezzjonijiet Ewropej, meta minkejja li t-turnout f’Malta jkun akbar minn dawk fl-Unjoni Ewropea, is-Segretarju Ġenerali qal li xorta esperjenzajna tnaqqis kull 5 snin mill-2014.

Meta wieħed jikkumpara mal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, wieħed irid jevalwa li l-aħħar elezzjonijiet inżammu mal-elezzjoni ġenerali u r-referendum tal-kaċċa, allura awtomatikament ikun hemm inċentiv akbar biex wieħed jivvota għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.

Clyde Puli rrimarka kif jidher li l-Kummissjoni Elettorali ma ngħatatx biżżejjed riżorsi biex tlaħħaq ma’ 2 elezzjonijiet nazzjonali kbar hekk kif l-istatistika tat-turnout sas-2pm ħarġu fis-7.15pm meta normalment iċ-ċifri uffiċjali jiġu ppubblikati sal-4.30pm.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN temm jirringrazzja lill-votanti kollha li qdew dmirhom b’responsabbiltà u pparteċipaw f’dan il-proċess demokratiku ħaj, lill-AECs, lill-Pulizija, lill-kandidati, lill-ħaddiema u lill-voluntiera kollha tal-Partit li għenu f’din l-elezzjoni kkonċentrata fuq il-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali. Awgura ħidma fejjieda għall-uffiċjali tal-ELCOM li quddiemhom għandhom ġimgħa impenjattiva ta’ ħidma metikoluża waqt l-għadd tal-voti.