“Ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew m’għandux jaqtalna qalbna anzi, għandna naraw li jissieħbu magħna aktar nies biex ikollna uċuħ ġodda”.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’indirizz li xxandar fuq NET Television. Filwaqt li qal li l-Partit jaċċetta dan ir-riżultat bl-akbar umiltà, irid jixtarru sew ħalli jitgħallem minnu.
Adrian Delia rringrazzja lil kulmin ivvota u ħa sehem fl-isbaħ parti tad-demokrazija ta’ pajjiżna, kif ukoll lil dawk kollha li pparteċipaw fl-elezzjonijiet – kemm f’isem il-Partit Nazzjonalista, kif ukoll f’isem partiti oħra.
Qal li l-Partit Nazzjonalista għandu d-dover jiddefendi l-vuċi ta’ dawk li jafdaw fil-Partit, filwaqt li jipprova jifhem għaliex eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin għażlu li ma jieħdux sehem f’dan il-proċess demokratiku.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li daħal f’din iil-kariga fl-agħar żmien għall-Partit. Iżda dan ma jfissirx li se jwaqqfu jew jaqtalu qalbu – anzi, il-Partit Nazzjonalista għandu jifhem x’inhuma t-talbiet tan-nies.
Wara li fl-aħħar xhur, il-Partit Nazzjonalista kien għaddej minn sfidi kbar, f’wieħed mill-agħar żminijiet għall-Partit, Adrian Delia qal li jrid ikompli jagħmel dak li għamel fl-aħħar xhur – jiġifieri ħidma flimkien għax hekk biss il-Partit jirnexxi.
Filwaqt li qal li nbeda l-proċess ta’ smigħ u diskussjoni, Adrian Delia tenna li dan hu vjaġġ għall-Partit Nazzjonalista kollu daqskemm għal pajjiżna. Hu għalhekk li rridu nistiednu lil min irid jipparteċipa biex nagħmlu dan il-vjaġġ flimkien.
//= $special ?>