Wara l-wasla lbieraħ, il-kontinġent Malti wasal fil-villaġġ tal-atleti f’Villa Cempresa. Filgħodu saret l-ewwel laqgħa għax-Chef de Missions tal-kontinġenti kif ukoll il-laqgħat tekniċi għall-uffiċjali responsabbli, huma bosta l-atleti fil-kontinġent Malti li għalihom l-esperjenza f’Montenegro hija l-ewwel waħda.
Fost id-diversi atleti fil-kontinġent Malti hemm ħames judokas li se jkunu qed jiddebuttaw f’dan il-Logħob. Dawn huma Clive Camilleri, Francesco Aufieri u Luca Montebello kif ukoll Lara Castillo u Kataryna Esposito.
F’kummenti li taw lill-ġurnalisti Maltin preżenti f’Budva, Camilleri, Aufieri u Montebello qalu li jinsabu eċċitati u entużjasti biex jagħmlu d-debutt tagħhom f’dan il-Logħob. Filwaqt li ma żbilanċjawx ruħhom fuq aspettativa ta’ rebħ ta’ midalji, it-tliet judokas Maltin stqarrew li se jagħtu l-massimu tagħhom fil-kategoriji rispettivi.
Clive Camilleri se jiġġieled fil-kategorija individwali ta’ taħt il-81kg, Luca Montebello fil-kategorija taħt il-100kg u Aufieri fil-kategorija ta’ taħt id-90kg, bit-tlieta li huma jkunu fl-azzjoni l-Erbgħa. Lara Castillo u Kataryna Esposito jkunu fl-azzjoni għada fil-kategorija ta’ taħt it-52 kg.
Fil-judo ser ikunu wkoll fl-azzjoni wkoll Isaac Bezzina u Jeremy Saywell li għandhom esperjenza u riżultati pożittivi f’edizzjonijiet passati ta’ dan il-Logħob. Fl-2011 u fl-2013, Saywell kien rebaħ il-midalja tal-fidda fil-kategorija ta’ taħt is-66kg. Sitt snin ilu, Bezzina kien kiseb il-bronż fil-kategorija ta’ taħt id-90kg, kategorija differenti minn dik li se jikkompeti l-Erbgħa.
//= $special ?>