Sport

GSSE 2019: Issir iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tat-18-il edizzjoni

F’Ċerimonja tal-Ftuħ ta’ madwar sagħtejn li saret fil-qalba tal-belt antika ta’ Budva, il-Prim Ministru tal-Montenegro Dusko Markovic iddikjara uffiċjalment il-ftuħ tat-18-il Edizzjoni tal-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa. Iċ-Ċerimonja saret minkejja li sa ftit minuti qabel il-bidu, kienet nieżla xita kontinwa f’post miftuħ.

Kien il-President tal-Kumitat Olimpiku ta’ Montenegro Dusan Simonovic li f’indirizz ta’ merħba lill-atleti, uffiċjali u delegati tal-Kumitati Olimpici tad-disa’ pajjiżi li jinsabu fi ħdan il-logħob, filwaqt li saħaq dwar l-importanza ta’ dan il-Logħob għal pajjiż li għadu qed jiżviluppa, huwa għamel enfażi dwar il-kunċett li dan il-Logħob ilu jħaddan mill-1985 fejn l-aktar fattur importanti jibqgħu l-valuri Olimpiċi.

F’serata ta’ spettaklu ma naqasx milli jiddomina il-motto tal-Logħob “How Big we are” fejn id-direttur taċ-Cerimonja tal-Ftuħ Nikola Vukcevic ippreżenta bl-aktar mod viżiv l-iżvilupp storiku tal-Montenegro. Mal-versi tal-poeta Peter Petrovic Njegos u Luca Mikrokozma għal ħelsien mill-ħakma Ottomana fis-seklu dsatax. Ma setax jonqos li jsir aċċenn għall-ewwel ktieb li qatt kien stampat fil-Balkani – dak magħruf bħala Oktoih.

Fl-istess Ċerimonja tal-Ftuħ, tfakkar il-mod kif il-pajjiż reġa’ ħa r-ruħ mit-terrimot li ħakem il-pajjiż fl-1979 kif ukoll għal gwerra tal-Indipendenza tal-21 ta’ Mejju  2006. L-unuri tal-ġurnata marru lit-tim tan-nisa tal-handball li fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012 kienu kisbu l-medalja tal-fidda. Mar-ritwal Olimpiku u d-dħul tal-bandiera tal-Logħob tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa kienet Bojana Popovic, il-plejer ewlenija tat-tim tal-handball li xegħlet it-torċa li tibqa’ tiddomina l-belt ta’ Budva saċ-Ċerimonja tal-Għeluq.