Sport

GSSE 2019: Kollox miexi kif ippjanat – Paul Sultana, Chef de Mission

Ix-Chef de Mission tal-kontinġent Malti Paul Sultana jinsab pożittiv dwar l-esperjenza sa issa ta’ Team Malta f’din l-edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Dan il-ġurnal ħa l-kummenti ta’ Sultana hekk kif għada jibdew il-logħob kompetittiv tat-18-il edizzjoni.

“Sa issa kellna diffikultajiet żgħar f’sens ta’ venues, sessjonijiet tat-training li jinbidlu ftit imma huma normali f’games bħal dawn.” Sultana kompla li l-atleti jinsabu kuntenti bil-post u kkonferma li ma għandhom l-ebda problema dwar atleti mweġġgħin.

Paul Sultana kellu kliem ta’ tifħir għall-ispirtu tal-plejers li jinsabu magħquda. Hu żied li ma setgħux isibu pajjiż isbaħ minn hawn biex jilagħbu dawn il-Logħob u kompla li n-nies huma akkoljenti ħafna u l-voluntiera kienu ta’ għajnuna.

Hu qal li l-organizzazzjoni tista’ tkun ftit aħjar imma huma affarijiet normali, madankollu saħaq li “l-komunikazzjoni magħna qed tkun diffiċli u kultant ftit tard, imma hi l-istess għal kulħadd.”

Żgur li l-istennija tal-pubbliku Malti u dawk b’interess f’din l-edizzjoni qed jistennew rebħ ta’ midalji mill-atleti Maltin. Mistoqsi dwar il-fatt li ċertu atleti jista’ jkollhom il-pressjoni, Sultana qal li bħala eks atleta, jistenna li jkun hemm ftit pressjoni għaliex fi kliemu tistimolahom iżda qal li din tmur kif jibdew jilagħbu.

“Hu sabiħ li tibni tajjeb għal dawn il-logħob. Għandna kowċis professjonali li qed jikkontrollaw l-emozzjonijiet tal-atleti. Għalkemm hemm aspettattivi, kulħadd rilassat. Il-post hu sabiħ, l-ambjent hu sabiħ ħafna u kollox miexi kif ippjanat,” sostna Sultana.