Sport

GSSE 2019: Magħżula l-isport li se jkunu f’Malta 2023 … l-atleti tal-Vatikan mhux se jitħallew jipparteċipaw

Malta se tkun qed torganizza għaxar sport meta torganizza l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-2023. Dan qalu d-Direttur tal-Isport Ivan Balzan f’konferenza stampa. Hu qal li poġġew il-proposti tagħhom u kienu aċċettati mill-Assemblea Ġenerali.

L-isport se jkunu l-atletika, l-għawm, il-judo, it-tennis, l-isparar, il-basketball, l-ibburdjar, l-isquash, ir-rugby 7s flimkien mal-basketball 3×3. Mistoqsi dwar kif waslu għal din l-għażla, Balzan qal li kieku seta’ kien idaħħal lil kulħadd iżda jemmen li dawn magħżula għandhom jistgħu jġibu riżultat tajjeb għal pajjiżna.

Ivan Balzan żied ukoll li fl-edizzjoni ta’ erba’ snin oħra, xtaqu jdaħħlu żewġ avvenimenti żgħar paralimpiċi tal-atletika u l-għawm. Din il-proposta tinsab quddiem l-Assemblea Ġenerali u r-rispons sa issa jidher li hu pożittiv.

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello qal li ilhom jaħdmu fuq dan il-programm u peress li bilfors irid ikun hemm żewġ tim sports, għażlu li mal-Basketball ikun hemm ir-Rugby 7s. Hu żied li ddiskutew dan mal-Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti kif ukoll mal-Gvern biex ikunu jistgħu jingħataw l-għajnuna neċessarja.

Mit-2 ta’ Ġunju l-Presidenza tal-Kumitat tgħaddi f’idejn Andorra bħala pajjiż li ser ikun qed jorganizza id-19 l-Edizzjoni tal-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa.

Intant fatt interessanti mill-ħidma tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, fost id-delegazzjoni ta’ 80 atleta Malti, sitt atleti minnhom li huma studenti f’dawn il-ġranet, qed jagħmlu l-eżamijiet tagħhom f’Budva fejn il-Kumitat Olimpiku Malti ħa ħsieb li jinġieb rappreżentant tal-edukazzjoni biex isegwi l-proċess tal-eżami. It-tiratur Malti Gianluca Chetcuti, ġranet wara li jintemm il-logħob, se jkollu l-aħħar eżamijiet tiegħu fejn f’Novembru mistenni jiggradwa bħala inġinier.

L-atleti mill-Belt tal-Vatikan mhux se jitħallew jieħdu sehem

Filgħodu ħarġet l-aħbar li kienu se jieħdu sehem erba’ atleti mill-Belt Vatikan iżda qamet kwistjoni. Dwar dan, Pace Bonello qal li huma ddiskutew dan waqt l-Assemblea Ġenerali u ttieħdet id-deċiżjoni li ma jitħallewx jikkompetu. Hu qal li r-raġunijiet tad-deċiżjoni huma minħabba li l-parteċipanti irid ikollhom Kumitat Olimpiku Nazzjonali xi ħaġa li l-Vatikan ma għandux.

Dawn l-atleti, żewġ nisa ulied impjegati fil-Vatikan u żewġt irġiel wieħed minnhom huwa wkoll suldat fi ħdan il-Guardia Żvizzera, kienu ser jieħdu sehem fil-5,000 metru tan-nisa u fl-10,000 metru tan- nisa u rġiel. Il-preparazzjoni ta’ dawn l-atleti ġiet fdata f’idejn Vittorio di Saverio li huwa wkoll kowċ fi ħdan il-FIDAL – il-Federazzjoni Taljana tal-Atletika u li bħala atleti irrappreżenta lill-Italja kemm f’Kampjonati tad-Dinja u Kampjonati Ewropej, barra li huwa responsabbli mill-Fiamme Gialle.

Il-Gżejjer Faroe għandha l-istess problema hekk kif minbarra li ma għandix Kumitat Olimpiku Nazzjonali, mhux rikonoxxuti, tant li l-atleti tagħhom jieħdu sehem mad-Danimarka. Dan minkejja li xi sport fil-Gżejjer Faroe fosthom il-futbol u l-atletika huma affiljati mal-federazzjoni internazzjonali rispettiva, bħala pajjiż għadhom mhux affiljati jew rikonoxxuti mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. It-termini tal-Kumitat Internazzjonali tal-Logħob jesiġi li kull pajjiż li jitlob għal parteċipazzjoni jrid ikun awtonomu u affiljat mal-KOI.