Sport

GSSE 2019: Titħassar is-sessjoni ta’ filgħodu għat-tennisti Maltin

L-esperjenza tat-tennisti Maltin f’Budva ma bdietx fuq nota pożittiva hekk kif is-sessjoni ta’ taħriġ li kellha ssir dalgħodu tħassret minħabba x-xita kontinwa li niżlet. Dan għamilha diffiċli biex il-Maltin jippreparaw aħjar għall-impenji tagħhom għaliex ma setgħux jitħarrġu minħabba li l-court tat-tafal ikun artab. Biex iżommu ruħhom attivi, l-atleti Maltin għamlu sessjoni fil-gym.

B’kollox Team Malta għandu erba’ tennisti li se jipparteċipaw f’din l-edizzjoni. Dawn huma Matthew Asciak, Omar Sudzuka, Elaine Genovese u Francesca Curmi. Nieqes mill-iskwadra hemm Matthew Cassar Torreggiani minħabba xi eżamijiet li kellu. Huma se jieħdu sehem b’mod individwali fit-tournaments tal-irġiel u tan-nisa, fid-doubles tal-irġiel u tan-nisa kif ukoll fil-mixed doubles, bil-kompetizzjonijiet isiru bejn għada u s-Sibt.