Ewropa Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

Il-Popolari Ewropej jibqgħu l-akbar grupp politiku fil-PE

Kemm l-Ewro Xettiċi kif ukoll il-Ħodor u l-ALDE b'żidiet fis-siġġijiet parlamentari

Issa li għalqet il-votazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha wara 4 ijiem ta’ votazzjoni, kienu aktar minn 50% tal-Ewropej li pparteċipaw bil-vot tagħhom f’dawn l-elezzjonijiet, 8% aktar mill-aħħar elezzjoni u l-ogħla turnout f’dawn l-aħħar 20 sena ta’ elezzjonijiet.

Għalkemm ħafna mir-riżultati għadhom mhux uffiċjali, mill-estimi ta’ ħafna pajjiżi wieħed jista’ jieħu stampa aħjar ta’ kif se tkun il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għall-5 snin li ġejjin.

Il-Partit Popolari Ewropew, li miegħu msieħeb il-Partit Nazzjonalista, baqa’ l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b’ 180 siġġu, tnaqqis ta’ madwar 40 siġġu mill-aħħar kompożizzjoni tal-Parlament. L-istess tnaqqis fis-siġġijiet esperjenzawh is-Soċjalisti hekk kif issa se jkollhom ftit aktar minn 150 siġġu parlamentari. Warajhom isegwu l-ALDE b’105 siġġijiet, il-Ħodor b’67 siġġu u l-Konservattivi u r-Riformisti b’61 siġġu.

Ta’ min wieħed jirrimarka kif il-partiti ewro xettiċi u tal-lemin estrem kellhom żidiet sostanzjali fis-siġġijiet miksuba fil-kompożizzjoni l-ġdida tal-Parlament Ewropew, li jaf jimpattaw mhux ftit il-ħidma tal-Parlament Ewropew il-ġdid f’oqsma li jikkonċernaw l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni fost l-oħrajn.

Wieħed issa jrid jara kif se jibnew il-koalizzjonijiet għal dawn il-5 snin li ġejjin bejn il-gruppi politiċi hekk kif la s-Soċjalisti u wisq anqas il-Popolari ma kisbu l-maġġoranza bejniethom fil-Parlament. Għalhekk, fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jinżammu t-taħdidiet bejn diversi gruppi politiċi sabiex tiġi stabbilita koalizzjoni li timplimenta l-manifesti tal-Partiti fi ħdanha u jitqassmu l-karigi tal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew.