Unjoni Ewropea

Il-PPE jikseb 180 siġġu fil-Parlament Ewropew

Il-Partit Popolari Ewropew, li miegħu huwa msieħeb il-Partit Nazzjonalista, baqa’ l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b’180 siġġu. Dan minkejja li kien hemm tnaqqis ta’ madwar 35 siġġu mill-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Izda l-istess tnaqqis fis-siġġijiet esperjenzawh ukoll is-Soċjalisti hekk kif issa se jkollhom ftit anqas minn 150 siġġu Parlamentari.

Il-Liberali u l-Ħodor żiedu sostanzjalment fis-siġġijiet tagħhom fl-Parlament Ewropew, fejn issa l-Liberali għandhom 109 u l-Ħodor għandhom 69 siġġu.

Il-Parlament Ewropew ra wkoll żieda sostanzjali fir-rappreżentanza tax-xettici, il-popolisti u l-Lemin estrem. Dan b’mod speċjali fl-Italja, fi Franza, fl-Ingilterra, fl-Ungerija u anke fil-Polonja fejn issa l-partiti li jridu jrażżnu s-saħħa tal-Unjoni Ewropea għandhom iżjed poter fir-rappreżentanza tagħhom.

Fl-Italja, il-Vici Prim Ministru Matteo Salvini li jmexxi l-Lega ġab iżjed minn 30% tal-voti u sar il-partit bl-iżjed siġġijiet fil-Parlament Ewropew mill-Italja. Fi Franza, żdiedet is-saħħa tal-partit ta’ Marine LePen li huwa partit meqjus bħala popolist. Il-partiti ta’ Lepen kif ukoll ta’ Salvini, jagħmlu parti mill-istess grupp politiku fil-Parlament Ewropew, dak imsejjaħ EAPN – grupp politiku li zied aktar minn 30 siggu.

Min-naħa l-oħra fl-Ingilterra l-partit immexxi minn Nigel Farage – li qed jibqa’ jimbotta Brexit – rebaħ l-iżjed siggijiet minn fost il-partiti Inglizi, wara inqas minn sitt ġimgħat li ġie mwaqqaf. Kemm il-Labour kif ukoll it-Tories marru hazin hafna, filwaqt li l-Liberali Demokratici gew it-tieni.

Fl-Ungerija, il-partit Fidesz li huwa tal-Lemin estrem, u li kien ġie sospiż mill-PPE, kiseb maġġoranza ta’ 52%. Jidher illi hemm possibbiltà li din is-sospensjoni tiġi rtirata u l-Fidesz jerġa’ jingħaqad mal-PPE.

Fil-Greċja l-Prim Ministru Alexis Tsipras stqarr illi se jkun qed isejjaħ elezzjoni bikrija wara li l-partit tiegħu SYRIZA, meqjus bħala Xellug estrem, mar hażin fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fejn ġab biss 23.7% tal-voti, madwar 10% inqas mill-partit New Democracy li qiegħed fl-Oppożizzjoni.

Intant, jidher illi l-votanti Rumeni madwar l-Ewropa sabu problemi bil-votazzjoni. Mijiet ta’ Rumeni pprotestaw fit-toroq għax ma setgħux jivvutaw minħabba kjuwijiet eċċesssivi, b’riżultat li ħafna spiċċaw ma tefghux il-vot tagħhom.

It-turnout fl-Unjoni Ewropea kienet l-ogħla li qatt kienet fl-aħħar għoxrin sena, fejn għoliet kważi 51%.

Malta kellha t-tielet l-ogħla turnout fl-Unjoni Ewropea b’72.7% wara l-Belġju b’ 88.5% u Lussemburgu b’84.1%.


Fi zviluppi ohra, jidher illi bħalissa għadhom għaddejjin taħdidie sabiex tiġi stabbilita koalizzjoni ta’ tmexxija fil-Parlament Ewropew. Infatti, sabiex jintlaħaq ftehim trid issir koalizzjoni bejn gruppi politiċi differenti minħabba l-fatt illi l-ebda grupp politiku m’għandu maġġoranza assoluta fil-Parlament Ewropew.