Lokali

Il-Prim Ministru mgiddeb dwar ir-rekord ta’ Pawlu Boffa

“Kien fadlilna r-riżultat li kien kiseb Pawlu Boffa – issa għaddejjnih ukoll”. 

Dan kien id-diskors li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat fuq l-istazzjon nazzjonali – madanakollu l-kalkoli tal-Partit Laburista marru żmerċ b’9,000 vot.

Huwa sostna li l-Partit Laburista wettaq l-akbar rebħa fl-istorja tal-pajjiż; iżda kien żbaljat hekk kif ingħad li rebħu b’aktar minn 51, 000 vot iżda fil-verità kiseb ftit aktar minn 42,000 vot.

Kif kien mbassar u mħabbar mill-Partit Nazzjonalsita ilbieraħ filgħodu dan ir-riżultat jikkonferma li r-riżultat huwa fil-fatt wieħed viċin ir-riżultat elettorali tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

L-akbar rebħa elettorali kien għamilha l-Partit Laburista fl-1947 meta l-Partit Laburista kellu distakk 45,000 fuq il-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista kien għadu ġej minn żmien ta’ problemi kbar bil-mexxejja storiċi tiegħu eżiljati fl-Uganda.

F’dik l-elezzjoni il-Partit Laburista tella’ 23 deputat kontra s-7 tal-Partit Nazzjonalista.

Fi żmien inqas minn 3 snin il-Partit Laburista nqasam u saret elezzjoni ġenerali ġdida fl-1950, li minnha rriżulta li l-Partit Nazzjonalista kien sar -akbar partit f’Malta u allura ntalab mill-awtoritajiet Ingliżi sabiex jifforma Gvern.

Il-Kap Nazzjonalista Nerik Mizzi kien wasal fi ftehim mal-Partit tal-Ħaddiema mmexxi minn Pawlu Boffa.

Il-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta kien Nerik Mizzi – inqas minn 3 snin wara dik it-telfa storika tal-PN fl-1947.