Dan kien il-messaġġ ewlieni li għadda il-Kap tal-Partit Nazzjonalita Adrian Delia f’post li għamel fuq Facebook ftit tal-ħin ilu.

Adrian Delia beda billi awgura lil Roberta Metsola u lil David Casa għall-elezzjoni tagħhom bħala Membri Parlamentari Ewropej u rringrazzja lil Francis Zammit Dimech tal-ħidma bla heda tiegħu. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista qed jittama li Francis Zammit Dimech jibqa’ jagħtih il-kontribut imprezzabbli tiegħu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja wkoll lil kull kandidat li ta ħinu u saħtu f’din il-kampanja.
Adrian Delia qal li minkejja li d-distakk kien ferm inqas minn dak li kien previst, żgur li r-riżultat ma kienx dak mixtieq.
Hu wiegħed li s-sostenn li ingħata l-Partit Nazzjonalista f’dawn l-elezzjonijiet mhux se jittieħed for granted.
“Se nirrispondu għal dan ir-riżultat bil-bidla, bidla fil-mod kif jopera il-Partit, biex il-Partit ikun iktar inklussiv għal dawk li diġa magħna u jiġbed aktar lejh lil dawk li għal xi raġuni ma vvutawx lill-Partit Nazzjonalista” qal Adrian Delia
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għalaq billi appella biex dawk kollha li jixtiequ jkunu parti minn din il-bidla, jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista sabiex pajjiżna jkollu verament il-bidla li jeħtieġ u li tixraqlu.