Lokali

Jintemm il-proċess tal-għadd tal-voti: id-distakk finali kien ta’ 42,656 vot

Accept Analitiċi cookies to view the content.
Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lis-sitt MEP's eletti b'mod partikolari liż-żewġ MEP's eletti f'ismu Roberta Metsola u David Casa

Hekk kif intemm il-proċess tal-għadd tal-voti fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, kien stabbilit li d-distakk bejn iż-żewġ partiti kien ta’ 42,656 vot.

Sadanittant, kienu eletti wkoll is-sitt Membri Parlamentari Ewropej Maltin.

L-ewwel li kienet eletta kienet Miriam Dalli għall-Partit Laburista bi 63,438 vot mill-ewwel għadd, segwita minn Roberta Metsola għall-Partit Nazzjonalista bi 38,206 vot fl-ewwel għadd.

Alfred Sant għall-Partit Laburista kiseb 26,592 vot skont l-ewwel preferenza u kien elett fl-14-il għadd, filwaqt li David Casa kiseb 20,493 vot u kien elett fit-38 għadd.

Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar kienu eletti għall-Partit Laburista mingħajr ma laħqu l-kwota wara li kisbu 18,808 vot u 15,603 voti fl-ewwel preferenza rispettivament.

U hekk kif l-Ewropa kollha vvutat fil-jiem li għaddew, il-Partit Popolari Ewropew kien ikkonfermat bl-akbar numru ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew, meta b’kollox rebaħ 179 mis-751 siġġu. Min-naħa l-oħra, il-Partit tas-Soċjalisti kiseb 150 siġġu.

B’hekk, il-Kandidat tal-PPE Manfred Weber mistenni jkun il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea.

Stqarrija: Id-distakk fl-elezzjoni huwa ta’ 9,000 anqas kif irrappurtat mill-PBS u ONE

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li d-distakk bejn il-partiti fl-elezzjoni tal-bieraħ huwa ta’ madwar 9,000 anqas minn kif irrappurtat fix-xandir tal-Istat il-PBS u fil-ONE, x-xandir tal-Partit Laburista. Dan ifisser li mhux minnu li d-distakk bejn il-partiti l-kbar kien ta’ 51,500 kif kien irappurtat mill-midja iżda ta’ 42, 656.

Kif kien mbassar u mħabbar mill-Partit Nazzjonalsita ilbieraħ filgħodu dan ir-riżultat jikkonferma li r-riżultat huwa fil-fatt wieħed viċin ir-riżultat elettorali tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Il-Partit Nazzjonalista uża prudenza kbira u kien kawt ħafna meta għażel li ma jkomplix jinsisti x’kien qed jirriżultalu mill-kalkoli tiegħu qabel għalaq l-għadd uffiċjali tal-voti li kkonferma l-kalkoli tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ dan ir-riżultat elettorali b’umiltà u b’determinazzjoni, u jwiegħed li se jkun qed jagħmel ħiltu kollha sabiex jifhem u jirrapreżenta l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti.

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lis-sitt MEP’s eletti b’mod partikolari liż-żewġ MEP’s eletti f’ismu Roberta Metsola u David Casa. Filwaqt li jifraħ lill-kandidati kollha li taw sehemhom f’dawn l-elezzjonijiet.