Lokali

L-Erbgħa jibda l-għadd tal-voti tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli

Wara li tul il-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn ġie fi tmiemu il-proċess tal-għadd tal-voti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, nhar il-Erbgħa jibda l-proċess tal-għadd tal-voti tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Dan il-process se jibda fis-2.00pm u se jsegwi l-istess proċess li ntuża l-Ħadd.

L-Erbgħa jinbeda l-għadd tal-voti ta’ Birżebbuġa, San Ġiljan, Ħal Tarxien, L-Iklin, iż-Żurrieq, San Pawl il-Baħar, Ta’ Xbiex, Santa Venera, Għajnsielem, il-Mellieħa, Pembroke, iż-Żejtun, l-Imqabba, il-Belt Valletta, il-Qrendi, Ħaż-Żebbuġ, in-Nadur, il-Marsa, il-Fontana, Ħal Balzan, Ħad Dingli, l-Għasri u x-Xewkija.

Il-Ħamis imbagħad ingħaddu l-voti tal-Fgura, Marsascala, Tas-Sliema, ir-Rabat Malta, B’Kara, Ħal-Lija, ir-Rabat Għawdex, Marsaxlokk, l-Imsida, il-Kalkara, Ħaż-Żabbar, San Ġwann, l-Imġarr, Paola, il-Gudja, Ħal-Għaxaq, Bormla, ix-Xagħra, Ta’ Sannat u Tal-Pietà.

Il-proċess ikompli l-Ġimgħa bl-għadd tal-voti tal-lokalitajiet tas-Swieqi, Ħ’Attard, Ħal Qormi, in-Naxxar, il-Mosta, il-Floriana, Ħal Luqa, l-Isla, il=Ħamrun, il-Għargħur, il-Gżira, Ħal Kirkop, is-Siġġiewi, Santa Luċija, l-Imtarfa, San Lawrenz, ix-Xgħajra, Ħal Safi, il-Munxar, il-Birgu, il-Qala, Ta’ Kerċem u z-Zebbuġ Għawdex.

Il-proċess tal-għadd tal-voti f’dawn is-sessjonijiet mistenni jdum madwar 9 sigħat.

Dawn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kienu l-ewwel elezzjoniijiet li inkludew il-lokalitajiet kollha.  Filfatt saru elezzjonijiet fi 68 mid-69 lokalità hekk kif l-elezzjoni fil-lokalità tal-Imdina ma saritx.  Dan għaliex in-numru ta’ kandidati li tefgħu in-nomina tagħhom għal din l-elezzjoni kien daqs il-postijiet vakanti għal kunsilliera f’din il-lokalità.

B’kollox għal dawn l-elezzjonijiet ikkontestaw total ta’ 732 kandidat,

L-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li kelna kienu fl-2015.