Lokali Parlament

L-Ispeaker isostni li l-gvern kellu jżomm il-ftehim dwar is-seduti tal-parlament

L-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia iddikjara li l-Gvern kellu jżomm il-ftehim mal-Oppożizzjoni u ma aġġornax il-parlament għal għaxart ijiem bla avviż qabel bdiet tkun diskussa l-Awtorità dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun u minħabba l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-kunsilli lokali.

Din id-dikjarazzjoni l-Ispeaker Anġlu Farrugia għamilha meta llum iltaqa’ l-Kumitat għx-Xogħol tal-Kamra.

Fil-bidu tas-seduta l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li hu kien informat li l-parlament kien se jiltaqa’ t-Tlieta 28 ta’ Mejju 2019 iżda ma kellux dettalji. Hu qal li ma kien ta l-ebda indikazzjoni li l-parlament kien se jaġġorna kif fil-fatt aġġorna.

Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-gvern m’għandux diżrispett lejn dan il-Kumitat u l-mod kif dan jaħdem billi aġġorna s-seduti iżda l-Plenarja għandha s-saħħa tagħha. Hu qal li l-Oppożizzjoni riedet li l-parlament jiltaqa’ fit-28 u mhux fis-27 ta’ Mejju 2019 u li l-gvern kellu kull intenzjoni li d-dibattitu jkun wieħed b’saħħtu. Il-Gvern ma kellu l-ebda intenzjoni li jnaqqas id-dibattitu parlamentari minħabba l-kampanja elettorali.

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius qal li l-Oppożizzjoni ma taċċettax li l-gvern jiddeċiedi bla konsultazzjoni u spjega li ma kienx hemm ftehim mal-Oppożizzjoni.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li ikun ideali li jkun hemm qbil dwar meta jsiru s-seduti u kien ikun iktar ideali kieku kien hemm ftehim dwar meta jiltaqa’ l-parlament. Hu sostna li jemmen li kieku l-gvern ikkonsulta l-Oppożizzjoni kienet taqbel.

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius qal li kien hemm ftehim li kien onorat u li l-gvern ma żammx. Hu appella lill-Ispeaker biex jesiġi li l-gvern jimxi mal-ftehim li jsir f’dan il-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra. David Agius sostna li l-Oppożizzjoni tinsisti li kull deċiżjoni tal-Kumitat g’ax-Xogħol tal-Kamra tkun osservata.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-aġenda li kellha tkun diskussa ma nbidlet bl-ebda mod minn dak li għaddielu l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista. Hu qal li l-parlament qatt ma waqaf 10 ijiem minħabba l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali jew tal-Parlament Ewropew.

Il-Ministru Chris Fearne qal li lanqas l-Oppożizzjoni ma ħasset li kellha tressaq mozzjoni ta’ urġenza kif setgħet tagħmel. Il-Gvern ma biddel l-ebda item minn fuq l-aġenda, sostna l-Ministru Fearne.

David Agius tkellem dwar l-Ombudsman u appella biex ċertu ħsibijiet li elenka l-Ombudsman fir-rapport tiegħu jkunu kunsidrati u trattati mill-Kumitat. Hu appella biex isir pjan dwar kif dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu isiru u qal li l-Ombudsman qed jgħid li r-rakkomandazzjonijiet li qed jagħmel mhux qed jitwettqu.

Id-deputat Laburista Edward Zamit Lewis qal li l-Kumitat għax-Xogħol tal-Kamra jagħmel l-aġenda tal-Kamra iżda r-rakkomandazzjonijiet tal-Omdusman jistgħu ma jkunux taħt ir-responabbiltà ta’ dak il-Kumitat.

Il-Ministrru Chris Fearne qal li l-Ombudmsan jiġi quddiem il-Kumitat darba fis-sena u f’din il-laqgħa dawn ir-rimedji jkunu diskussi.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-obbligu tiegħu hu li jpoġġi r-rapporti tal-Ombdusman fuq il-mejda tal-Kamra.