Lokali

“Magħqudin flimkien naqqasna d-distakk tas-surveys… magħqudin fis-sentejn li ġejjin inġibu r-riżultati” – Clyde Puli

Meta ħdimna flimkien naqqasna d-distakk tas-surveys u jekk tibqa’ din l-għaqda matul is-sentejn li ġejjin nistgħu naslu biex niksbu r-riżultati.

Hekk saħaq is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli waqt li kien fil-Programm Iswed fuq l-Abjad intervistat mill-ġurnalista Christine Amaira.

Clyde Puli saħaq li bla dubju ir-riżultat tal-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ma kienx riżultat feliċi għall-Partit Nazzjonalista.  Tlifna siġġu u minnu rridu nibdew nisiltu ċertu tagħlimiet,

Huwa semma kif hemm sitwazzjonijiet li kienu hemmhekk meta t-tmexxija l-ġdida bdiet bil-ħidma tagħha fix-xhur li għaddew. Semma kif żvantaġġ ieħor kien kif il-Partit Laburista għandu ħafna riżorsi għad-dispożizzjoni tiegħu fosthom riżorsi infiniti fuq il-midja soċjali u anke x-xandir tal-istat.  

Waqt it-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet Clyde Puli qal li jifhem il-weġgħat tan-nies, u jrid jifhem kull sitwazzjoni biex wasslet għal dan ir-riżultat.

Semma kif il-PN kellu ħafna proposti għall-bosta setturi u jemmen li l-proposti għadhom validi. Imma l-PN se jkompli jara biex jindirizza lil dawk in-nies li sa issa għadhom mhux jaraw il-Partit Nazzjonalista bħala l-alternattiva tal-partit fil-Gvern.

Is-surveys ukoll jitkellmu waħedhom. F’Novembru tal-2017 id-distakk kien ta’ 75,000, fuq survey li l-istess gazzetta qatgħet b’mod preċiż ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali tas-sena ta’ qabel. Kien hemm bosta surveys li indikaw distakk qawwi, anke surveys magħmulin minn gazzetti internazzjonali.

Is-segretarju Ġenerali qal li fl-ewwel parti riedna nikkonsolidaw dak li kellna, it-tieni parti issa hi li rridu nibdew naħdmu flimkien biex niksbu r-riżultati.

Clyde Puli osserva wkoll li l-Partit Demokratiku kiseb ammont ta’ voti illi li kieku dawn ġew għand il-Partit Nazzjonalista dan kien ifisser it-tielet siġġu tal-PN. Semma li l-Partit Demokratiku kien l-istess partit li fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet tela’ fuq il-karru tal-Partit Nazzjonalista u uża r-riżorsi tiegħu.

Dwar iż-żgħażagħ is-Segretarju Ġenerali qal li l-Partit Nazzjonalista ħa numru ta’ inizjattivi biex iżid is-sehem taż-żgħażagħ fosthom l-introduzzjoni ta’ Teamstart u r-riżultati ta’ dawn l-inizjattivi se jibdew jinħassu fix-xhur u s-snin li ġejjin.