Lokali

“Se nkomplu b’ħidmietna favur Malta” – Roberta Metsola u David Casa

“Il-poplu Malti ta messaġġ ċar li jridna nkomplu niddefendu lil pajjiżna u niġġieldu għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt f’Malta”

Kien dan il-messaġġ komuni ta’ Roberta Metsola u David Casa, iż-żewġ kandidati tal-Partit Nazzjonalista li ġew eletti bħala Membri Parlamentari Ewropej fl-elezzjoniijiet tas-Sibt li għadda.

Roberta Metsola rringrazzjat lil kull min reġa’ wera fiduċja fiha u qalet li se tkompli taħdem kif ħadmet fl-aħħar snin.

Hi qalet li din hija rebħa għal Malta u tfisser li l-poplu jrid li tkompli l-ħidma li saret s’issa fuq kwestjonijiet li qed jolqtu lil pajjiżna, minkejja l-attakki minn Joseph Muscat l-isfel.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista qalet li wara l-ħidma tagħha fuq l-immigrazzjoni, is-sigurtà, l-aspett diġitali, u l-aspett ambjentali, hi issa se tkompli tiffoka anke fuq oqsma oħra fosthom l-agrikoltura, is-sajd, it-trasport u l-fondi Ewropej.

David Casa rringrazzja wkoll lil kandidati l-oħra li taw sehemhom f’dawn l-elezzjonijiet, kif ukoll, bħal ma għamlet Roberta Metsola, rringrazzja lil Francis Zammit Dimech tal-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew.

Casa qal li issa jmiss il-laqgħa mal-Partit Popolari Ewropew sabiex jiġu diskussi l-kumitati li se tkun qed issir ħidma fuqhom.

Hu qal li se jkun qed ikompli bil-ħidma tiegħu fil-qasam soċjali u fuq it-tisħiħ tas-Saltna tad-Dritt f’pajjiżna kif kien qed jagħmel fl-aħħar snin.

Iż-żewġ membri parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Nazzjonalista se jkunu qed ikomplu fejn ħallew hekk kif Roberta Metsola tidħol fit-tieni terminu sħiħ tagħha filwaqt li għal David Casa dan se jkun ir-raba terminu fil-Parlament Ewropew.