Lokali Parlament

David Stellini jirreżenja minn Membru Parlamentari

David Stellini se jibqa' attiv bħala uffiċjal fil-Partit Popolari Ewropew

Fl-aħħar sigħat, il-Membru Parlamentari David Stellini tefa’ r-riżenja tiegħu minn Deputat. Stellini kien ġie elett fil-Parlament wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017 b’elezzjoni każwali.

F’post li kiteb fuq il-media soċjali, Stellini qal li kellu jieħu din id-deċiżjoni b’dieqa u rrimarka kif hu ma jħossux komdu jaħdem fi klima politika kif inhi dik ta’ pajjiżna bejn żewġ partiti. David Stellini qal li din l-istess klima ma tgħinx biex nies ġodda jidħlu fil-politika u jagħmlu d-differenza kemm fuq livell politiku, kif ukoll fuq livell personali.

Hu insista li daħal fil-politika għax Malta kellha bżonn nies li ma jarawx aħmar jew blu u għax il-Partit Nazzjonalista kellu bżonn nies ġodda li jħaddnu l-għaqda u jagħtu tama lill-Maltin u Għawdxin.

Stellini radd ħajr minn qalbu lill-Maltin u l-Għawdxin li laqgħuh għandhom, tawh is-sapport u s-sostenn tagħhom tul dawn l-aħħar sentejn u wegħedhom li l-messaġġ tagħhom ser jasal.

David Stellini qal li x-xogħol tiegħu fil-politika ma kienx ser jieqaf hawn, iżda ser ikompli jaħdem attivament lokalment kif ukoll fix-xogħol tiegħu mal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew.