Sport

GSSE 2019: Ħames midalji mill-għawm fl-ewwel ġurnata

Bidu pożittiv għall-għawwiema Maltin hekk kif rebħu ħames midalji f’dan l-isport biss fl-ewwel ġurnata. L-unuri tal-ġurnata jmorru għal Mya Azzopardi li mhux biss rebħet il-bronż fil-200 metru medley iżda għamlet l-aħjar riżultat personali ta’ 2:21.58 li hu kważi tliet sekondi aħjar mir-rekord personali li kellha.

Azzopardi rebħet ukoll midalja oħra meta ffurmat parti mit-tim tal-4×100 metru relay. Hi flimkien ma’ Francesca Falzon Young, Martina Valletta u Michee van Rooyen, b’tal-aħħar tkun strumentali biex irkuprat l-iżvantaġġ u waqqfet l-arloġġ f’3:57.61.

Harry Stacey kiseb il-midalja tal-fidda fil-100 metru b’ħin ta’ 51.10 u falla d-deheb b’0.05 ta’ sekonda, bil-finali tintrebaħ minn Julien Henx tal-Lussemburgu. F’din il-finali kkompeta wkoll Andrew Chetcuti li iżda spiċċa fil-ħames post f’51.58 sekonda.

Mikhail Umnov rebbaħ it-tieni midalja fl-għawm meta temm it-tielet fil-200 metru butterfly b’ħin ta’ 2:07.65. F’din it-tellieqa ħa sehem ukoll Dylan Cachia li minkejja li temm il-ħames f’2:11.47, tejjeb l-aħjar ħin personali preċedenti ta’ 2:12.95.

It-tim tal-irġiel tal-4×100 metru wkoll kiseb midalja iżda dik tal-fidda. It-tim kien magħmul minn Matthew Galea u Harry Stacey, Andrew Chetcuti u Dylan Cachia li kkompetew f’din l-ordni. Il-Maltin saħansitra kienu fil-quċċata sa nofs it-tellieqa iżda spiċċaw it-tieni b’ħin ta’ 3:28.67, ftit aktar minn żewġ sekondi wara l-Lussemburgu.

Fil-200 metru medley, Mikhail Umnov u Thomas Wareing spiċċaw fil-ħames u s-seba’ post. Wareing tilef il-bronż għal ftit għas-spejjeż ta’ Romain Vanmoen ta’ Monaco fil-200 metru backstroke. Dylan Cachia ma pparteċipax fil-1,500 metru freestyle.

Mya Azzopardi u Francesca Falzon Young spiċċaw fis-sitt u s-seba’ post rispettivament fil-100 metru freestyle. Fil-800 metru freestyle, Michee van Rooyen temmet fil-ħames post b’ħin ta’ 9:19.75, b’Sasha Gatt tispiċċa s-sitta iżda tejbet b’mod konsiderevoli l-ħin personali tagħha minn 9.28.75 għal 9:21.44.