Sport

GSSE 2019: Jeremy Saywell b’ċans li jirbaħ l-ewwel midalja tad-deheb għal Malta

Il-judo għandu ċans li jagħti l-ewwel midalja tad-deheb għal Malta hekk kif Jeremy Saywell se jilgħab il-finali ta’ taħt is-66kg. Hu l-ewwel elimina lil Joel Rossel Fort b’Ippon fit-tieni parti tal-logħba, biex fis-semifinali ħasad lil Andrea Fritsch tal-Lussemburgu b’Ippon wara biss 17-il sekonda. Fil-finali jaffronta l-avversarju minn Montenegro.

Fil-kategorija ta’ taħt il-100 kilo, Isaac Bezzina se jkollu jilgħab biex jipprova jirbaħ il-midalja tal-bronż wara li kien megħlub b’Ippon lejn nofs il-logħba mill-Montenegrin Pantic fis-semifinali. Fir-rawnd ta’ qabel hu kien irnexxielu jegħleb lil Franck Voton ta’ Monaco b’Ippon f’nofs il-logħba.

Il-judokas irġiel l-oħra ftit kisbu riżultati differenti hekk kif Luca Montebello, Francesco Aufieri u Clive Camilleri tilfu l-logħbiet tagħhom. Montebello tilef b’Ippon wara minuta kontra Anto Dubrata tal-Montenegro u wara repechage kien megħlub mill-Iżlandiż Davidson b’Ippon minuta u 14-il sekonda mit-tmiem. Francesco Aufieri tilef b’Ippon kontra Nicolas Grinda ta’ Monaco u f’repechage ħareġ tellief kontra l-Ungeriż Barboni. Clive Camilleri tilef b’Ippon wara għaxar sekondi.

Aħbarijiet ħżiena fil-kategorija ta’ taħt it-52kg tan-nisa. Lara Castillo tilfet fl-ewwel konfront kontra Yamina-Sara Allag tal-Montenegro u wara repechage tilfet kontra Martins tal-Lussemburgu fejn anki weġġgħet l-irkoppa u kellha bżonn l-għajnuna medika biex ħarġet. Kataryna Esposito wkoll tilfet iż-żewġ logħbiet kontra Alda Babi Choopojcharoen tal-Andorra u fir-repechage tilfet kontra avversarja minn Monaco.