Sport

GSSE 2019: Jispikkaw l-aħwa Falzon f’rebħa Maltija għat-tim tal-irġiel tal-basketball

MALTA……….. 93 ĊIPRU…………. 81

(27-14, 16-20, 19-17, 31-30)

It-tim nazzjonali tal-irġiel kiseb rebħa importanti b’rebħa b’distakk ta’ tmien punti fuq Ċipru. Protagonisti għat-tim ta’ Roberto Ricchini kienu l-aħwa Tevin u Aaron Falzon li bejniethom skorjaw 54 punt.

Ir-rebħa għat-tim Malti kienet meritata hekk kif tul il-logħba qatt ma kien minn taħt. L-ewwel perjodu ntrebħet 27-14, b’Aaron Falzon jispikka hekk kif skorja nofs il-punti, fosthom erba’ three pointers. Minkejja li Ċipru tjiebu fit-tieni perjodu, il-plejers Maltin xorta baqgħu fil-kontroll u daħlu jistrieħu 43-34 minn fuq, b’disa’ punti ta’ Tevin Falzon.

F’mument minnhom, Ċipru naqqsu d-distakk għal sitt punti iżda erba’ punti ta’ Samuel Deguara u żewġ punti ta’ Tevin Falzon poġġew lit-tim Malti 62-51fil-vantaġġ qabel l-aħħar sessjoni.

L-aħħar għaxar minuti baqgħu missielta biċ-Ċiprijotti baqgħu jfittxu li jsalvaw il-logħba. Sa madwar minuta mit-tmiem, id-distakk kien biss ta’ tliet punti, iżda erba’ punti ta’ Aaron Falzon, żewġ punti ta’ Tevin Falzon u tnejn oħra minn David Bugeja għalqu l-logħba 93-81.

Malta: R. Vella (3), D. Bugeja (5), N. Kahler, C. Cuschieri Patus (13), P. Shoults (1), N. Xuereb, T. Falzon (27), A. Felice Pace, A. Falzon (27), M. Gouder, K. Cassar (5), S. Deguara (12)

L-ewwel telfa għat-tim tan-nisa

IŻLANDA……. 61 MALTA……….. 35

(19-8, 22-8, 11-11, 9-8)

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa kellu bidu negattiv għat-tournament li ntrebaħ sentejn ilu meta sfaw megħluba 61-35 mill-Iżlanda. It-tim Malti sabha diffiċli mill-bidu hekk kif l-Iżlanda rebħu l-ewwel perjodu 18-9, u daħlu jistrieħu b’vantaġġ komdu ta’ 25 punt.

Malta taħt it-tmexxija ta’ Angela Adamoli pruvat tibqa’ fil-logħba iżda s-saħħa tal-avversarji wasslet biex ikkontrollaw il-logħba u spiċċaw temmew il-logħba b’vantaġġ ta’ 26 punt. Partita kwieta għal Amelia Simmons li kkommettiet diversi fawls u għamlet basket biss. L-aħjar skorer għat-tim Malti kienet Stephie de Martino bi 11-il punt.

Malta: S. Pace, K. Galea (2), A. van Vliet (5), S. Brincat (5), M. Bonett (2), S. de Martino (11), S. Abela (2), M. Borg (2), P. Arguello (4), A. Simmons (2), G. Mifsud, C. Curmi