Sport

GSSE 2019: Malta tikseb l-ewwel midalja minn Jeremy Seywell … it-tielet fidda għalih

Jeremy Saywell (xellug)

Jeremy Saywell kiseb l-ewwel midalja għal Malta fit-18-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Saywell wasal sal-finali fil-kategorija ta’ taħt is-66kg wara li l-ewwel elimina lil Joel Rossel Fort b’Ippon fit-tieni parti tal-logħba, biex fis-semifinali ħasad lil Andrea Fritsch tal-Lussemburgu b’Ippon wara biss 17-il sekonda. Fil-finali hu tilef kontra l-Montenegrin Jusuf Nurkovic meta sofra Ippon b’żewġ minuti u nofs għat-tmiem.

Fil-kategorija ta’ taħt il-100 kilo, Isaac Bezzina kien qrib ħafna r-rebħ tal-midalja tal-bronż iżda spiċċa tellief kontra l-Iżlandiż Davidsson, meta bi tliet sekondi għat-tmiem kien fil-vantaġġ. Dan minħabba li sofra punt wara li kellu spalla fl-art, bl-Iżlandiż jieħu aktar kontroll tal-avversarju u assorba l-20 sekonda neċessarja biex kiseb punt ieħor.

Bezzina kien megħlub fis-semifinali minn Danilo Pantic tal-Montenegro b’Ippon lejn nofs il-logħba. Fir-rawnd ta’ qabel hu kien irnexxielu jegħleb lil Franck Voton ta’ Monaco b’Ippon f’nofs il-logħba.

Fil-kategorija ta’ taħt il-81 kilo, Clive Camilleri tilef b’Ippon wara għaxar sekondi kontra Thierry Jean-Tizie u fil-logħba għal midalja tal-bronż, iż-żagħżugħ ta’ 16-il sena kien viċin ir-rebħa iżda kien megħlub b’Ippon minn Arni Petur Lund.

Luca Montebello u Francesco Aufieri tilfu l-logħbiet tagħhom. Montebello tilef b’Ippon wara minuta kontra Anto Dubrata tal-Montenegro u wara repechage kien megħlub mill-Iżlandiż Davidsson b’Ippon minuta u 14-il sekonda mit-tmiem. Francesco Aufieri tilef b’Ippon kontra Nicolas Grinda ta’ Monaco u f’repechage ħareġ tellief kontra l-judoka mil-Lussemburgu Barboni.

Aħbarijiet ħżiena fil-kategorija ta’ taħt it-52kg tan-nisa. Lara Castillo tilfet fl-ewwel konfront kontra Yamina-Sara Allag tal-Montenegro u wara repechage tilfet kontra Telma Martins tal-Lussemburgu fejn anki weġġgħet l-irkoppa u kellha bżonn l-għajnuna medika biex ħarġet. Kataryna Esposito wkoll tilfet iż-żewġ logħbiet kontra Alda Babi Choopojcharoen tal-Andorra u fir-repechage tilfet kontra Lisa Stephane Mebarki ta’ Monaco.