Sport

GSSE 2019: Rebħa għall-irġiel u żewġ telfiet għan-nisa fil-beach volley

Bidu pożittiv għat-tim Malti tal-irġiel b’rebħa kontra l-organizzaturi Montenegro 2-0. Il-koppja Maltija magħmula minn Manuel Raffa u Roberto Balzan rebħet l-ewwel set li kien missielet 21-19. Huma għalqu l-logħba meta reġgħu għelbu lil Vuk Medenica u Vladan Rudic, din id-darba 21-13.

It-tim tan-nisa beda l-impenji tiegħu f’Budva b’żewġ telfiet. Filgħodu l-koppja magħmula minn Melissa Cheviron u Dominika Dworniczak tilfet kontra Monaco, biż-żewġ settijiet jintrebħu 21-19.

Fl-ewwel set, il-Maltin salvaw match point iżda Monaco kisbet il-punt deċiżiv biex marret fil-vantaġġ. Fit-tieni set, il-logħba żammet l-istess ritmu, bit-tim Malti jmur 10-6 minn fuq. Iżda Monaco rkupraw biex għamluhom 11-11 u eventwalment rebħu l-logħba. L-atleti ta’ Monaco lagħbu quddiem il-Prinċep Albert ta’ Monaco li jinsab f’Montenegro jsegwi l-atleti.

Fit-tieni logħba, Malta sfat megħluba mill-koppja ta’ Laura Marxer u Ramona Kaiser ta’ Liechtenstein. Il-koppja Maltija rebħet l-ewwel set 21-18 iżda Liechtenstein sfurzaw is-set deċiżiv meta rebħu t-tieni wieħed  21-18 biex fit-tielet u l-aħħar logħba, Marxer u Kaiser rebħu 15-8.