Lokali

“Il-ġuħ qed joqtol aktar nies mill-AIDS, il-malarja u t-TB f’daqqa” – Missio

Missio Malta qalet li l-ġuħ joqtol aktar nies mill-AIDS, il-malarja u t-tuberkolożi mgħadudin f’daqqa. Dan qalitu fi stqarrija dwar Jum il-Ġuħ fid-Dinja li jaħbat kull 28 ta’ Mejju.

Ġew imsemmija bosta fatturi oħrajn dwar il-ġuħ li jinkludu li iktar minn 821 miljun persuna fid-dinja m’għandhomx biżżejjed ikel, 60% minnhom huma nisa, filwaqt li 98% ta’ dawk mhux nutriti jgħixu f’pajjiżi żviluppati.

Meta ngħidu ‘ġuħ’ ma nkunux qed nitkellmu biss dwar l-ikel. Il-ġuħ u l-faqar huma marbuta b’mod inseparabbli ma’ rabta ta’ ħafna kwistjonijiet li jinkludu:

  • opportunitajiet ta’ xogħol deċenti,
  • saħħa,
  • edukazzjoni,
  • ġustizzja soċjali,
  • drittijiet tan-nisa u tal-bniet,
  • l-ambjent u
  • l-bidla fil-klima

Missio Malta qed taħdem sabiex flimkien mal-pubbliku ttemm il-ġuħ fid-dinja permezz ta’ għajnuniet li diġà jintbagħtu l-benefatturi u ta’ oħrajn ġodda, dawn il-persuni minn madwar id-dinja li jgħixu f’sitwazzjonijiet simili, qed jirċievu l-għajnuna li tant jeħtieġu.

Ġie spjegat li bis-saħħa ta’ diversi għaqdiet u proġetti qed jintuża approċċ innovattiv u olistiku li jindirizza dawn il-kwistjonijiet kollha. Dan filwaqt li jagħti s-setgħa lil dawk il-persuni li jgħixu fil-ġuħ biex isiru l-aġenti tal-iżvilupp tagħhom stess u b’hekk jgħollu l-komunitajiet tagħhom ‘il fuq mil-linja tal-faqar darba għal dejjem.

Jekk tixtieq tgħin ċempel fuq 21236962 jew 20330015. Tista’ żżur ukoll is-sit www.missio.org.mt.