Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia llum attenda għas-summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li sar fi Brussell. Dan kien summit importanti ħafna għall-PPE fejn saret diskussjoni dwar il-proċess li se tiddermina min se jkun il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Adrian Delia qal li bħal dejjem, il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hija dik li nħarsu l-interessi ta’ pajjiżna u naċċertaw illi nagħtu l-appoġġ sħiħ lil dak il-kandidat, li għandu jkun il-President tal-Kummissjoni Ewropea, li l-aktar li jirrappreżenta l-aspirazzjonijiet u l-interessi ta’ Malta.
Fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li saru fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea matul it-23 u s-26 ta’ Mejju, kollox jindika li l-Partit Popolari Ewropew se jikseb mill-inqas 178 siġġu u huwa l-ikbar grupp fil-Parlament Ewropew.
Għas-summit tal-lum li sar fi Brussell attendew il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, il-President tal-PPE Joseph Daul, il-kandidat tal-PPE għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Manfred Weber, is-Segretarju Ġenerali tal-PPE Antonio López-Istúriz, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, Silvio Berlusconi u mexxejja oħra Ewropej.
