Internazzjonali

L-Eġittu: Rapporti dwar reati tal-gwerra fis-Sinaj

L-attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem indikaw li l-qawwiet tal-Eġittu u l-militanti fil-penisola tas-Sinaj jistgħu ‘kollha’ huma responsabbli għal reati kontra l-bniedem.

Il-grupp Human Rights Watch, intant, akkuża lill-Gvern Eġizzjan bħala ‘responsabbli għall-għajbien sfurzat tan-nies, kif ukoll għall-qtil u t-tortura ta’ persuni, flimkien ma’ atti illegali oħra’. Fl-istess ħin, dan il-grupp akkuża lill-militanti li qegħdin jiġġieldu kontra l-Gvern dwar ‘il-ħtif, tortura u omiċidju ta’ mijiet ta’ residenti tas-Sinaj’.

Dan meta l-qawwiet Eġizzjani u l-militanti ilhom żmien twil jikkumbattu lil xulxin fil-parti ta’ fuq tal-penisola.

Il-Gvern tal-Eġittu ddikjara lit-Tramuntana tas-Sinaj bħala zona militari magħluqa u esklusiva, li jfisser li r-rappurtaġġ indipendenti mill-inħawi mhux qed ikun permess. Intant, it-Tmexxija Eġizzjana impenjat ruħha biex telimina lill-militanti, li wħud minnhom għandhom ir-rabtiet mal-ISIS — bil-kelliema għall-militar qegħdin jiċħdu li wettqu l-abbużi kontra d-drittijiet umani.

Iżda r-rapport tal-Human Rights Watch semma każi fejn l-adulti u t-tfal spiċċaw arrestati u mitfugħin il-ħabs, ‘kultant għal xhur konsekuttivi’. Ir-rapport iddokumenta wkoll każi fejn l-arrestati spiċċaw fiżikament abbużati mis-suldati fejn batew is-swat u x-xokkijiet tal-elettriku.