12:00: Il-Qorti tiddikjara li hemm biżżejjed raġunijiet biex iż-żewġ żgħażagħ jitpoġġew taħt att ta’ akkuża. Il-Qorti ġiet differita għall-Erbgħa 3 ta’ Lulju, fid-9:30, bl-aħħar seduta se tkun fil-25 ta’ Lulju.
11:45: Tibda x-xhieda ta’ uffiċjal ieħor stazzjonat f’Birżebbuġa, li wkoll qed jagħti dettalji tax-xena tad-delitt li sabu ma’ wiċċhom il-Pulizija li waslu fil-post.
11:35: Tibda x-xhieda tas-Surġent Tereża Farrugia, stazzjonata fl-Għassa ta’ Birżebbuġa li tispjega x’ġara u x’rat mindu kienet infurmata li kien hemm persuna mixħuta fl-art fi Triq tal-Ġebel.
11:30: Il-katavru ta’ Lassana Cisse għadu ma ġiex rilaxxat, bil-Qorti titlob li f’seduta oħra jittellgħu jixhdu l-esperti tal-forensika biex jikkonfermaw jekk għadx hemm il-ħtieġa li dan jibqa’ miżmum għall-finijiet tal-investigazzjoni jew jekk hux il-każ li jiġi rilaxxat għad-difna.
11:10: Jibda jixhed Pierre Scerri, uffiċjali tal-Pulizija li jiddikjara li fil-lejl tal-omiċidju kien wieħed mill-uffiċjali li waslu fil-post tar-reat fejn ra katavru mixħut fit-triq, bid-demm ħiereġ minn rasu.
Jgħid li mmedjatament intqal lilu li l-vettura użata kienet vettura ta’ lewn abjad u għamla żgħira. Dan kien konfermat minn filmati ta’ kameras tas-sigurtà li mill-ewwel indikazzjonijiet deher li kienet tal-għamla Toyota Starlet.
Jiddikjara li fost oħrajn, din il-vettura kellha numru ta’ affarijiet li jiddistingwuha fosthom dawl qawwi abjad li ma kienx normali għal vettura tal-istess għamla, kif ukoll number plates maqlugħa, mera waħda biss fuq in-naħa tax-xufier. Dan apparti li f’mument minnhom, il-vettura għaddiet minn triq One Way, xi ħaġa li kompliet tqajjem suspett.
Dan l-uffiċjal tal-Pulizija jiddikjara li meta Lorin Scicluna ġie arrestat, akkumpanja lill-Pulizija sar-residenza fejn jgħix u hawn għaddielhom erba’ armi tan-nar u kaxex b’munizzjon.
10:49: Jibda l-kontro-eżami mill-Avukat Giannella Demarco. Ix-xhud jikkonferma li anke jekk kien hemm drabi fejn ħarġu bil-vettura ta’ Francesco, kull meta seħħ wieħed mill-inċidenti, dejjem kienu abbord il-vettura ta’ Lorin u dejjem kien isuqha hu.
10:02: Tibda x-xhieda ta’ Jason Green, li jaf liż-żewġ akkużati u li ġie mwissi li skont l-investigazzjoni instab li fil-każ tal-hit & run kien preżenti fil-karozza ta’ Lorin.
Jiddikjara li kien ilu jaf lil Lorin għal madwar tliet snin filwaqt li lil Francesco kien ilu jafu biss ftit xhur għax laqqgħu miegħu Lorin. Jikkonferma li l-vettura ta’ Lorin hi tat-tip Toyota Starlet bajda ġieli rikeb fiha.
Jiddikjara li sar jaf lil Lorin minn fuq il-playstation u li kienu jkunu flimkien għall-kaċċa. Jiddeskrivi lil Lorin bħala “dilettant tal-karozzi, tal-armi u tal-kaċċa.”
Jason Green jikkonferma li Francesco kien qallu li l-windscreen tat-Toyota Starlet kien inkiser “għax tajjru immigrant waqt li kienu Ħal Far, bil-lejl.” Jiddikjara li hu ra biss ritratt tal-windscreen imkissra, fuq il-mobile ta’ Francesco.
Jiddikjara li waqt li kien qed jirrakkuntalu li tajjru immigrant, Francesco deher “normali.” Ikompli li Lorin kien jiddikjara li “m’għandux grazzja tal-immigranti għax il-pajjiż qed jimtela’ bihom u kien jibza’ li se jibdew jikkmandaw huma. Francesco kien jgħidli l-istess ħaġa, li hawn wisq immigranti u se jinvaduna.”
Ix-xhud jikkonferma li kien preżenti meta immigrant li kien bir-rota qabad iwaddbilhom il-ġebel. “Għidnielu kelma, offiża bl-Għarbi lil missier l-immigrant, u qabad jindanna, u jiġri wara l-karozza tagħna. Inżilna biex naraw xi jrid u qabad iwaddbilna l-ġebel.”
Jiddikjara li kien Lorin li ħareġ bl-idea li joffendu lill-immigrant, “hekk, biex naqbdu miegħu.” Mistoqsi mill-Ispettur Keith Arnaud, Green jiddikjara li ma jafx għaliex waqfu u niżlu mill-karozza, minflok saqu iktar bis-saħħa ladarba kien jaf li l-immigrant irrabjat, ma setax jilħaqhom ladarba kien bir-rota.
“Lorin ried jinżel biex jara xi jrid,” jistqarr ix-xhud. Jiddikjara li jumejn qabel, Lorin kien safa’ vittma ta’ serqa tan-number plates, akkwista oħrajn ġodda u dawn kienu mwaħħlin fuq ġewwa tal-karozza. Meta seħħ l-inċident tal-argument, qlibna n-number plates tal-vettura biex ma jidhrux u erġajna dawwarnihom lura malli tlaqna mill-post.
Malli daħlu fil-karozza, ix-xhud jiddikjara li qalu: “X’affarijiet dawn, ġie f’pajjiżna u joqgħod jitfa’ l-ġebel lill-Maltin.”
9:50:Jibda l-kontro-eżami tal-avukat Giannella Demarco, li qed tirrappreżenta lil Francesco. Hawn ħareġ li għadu mhux forensikament ippruvat ta’ min hi l-arma li ntużat fl-isparatura iżda l-indikazzjonijiet mill-iskrataċ urew x’kienet il-pistola użata u li kienet tieħu bejn 15 u 17-il skartoċċ iżda għandha wkoll estensjoni tal-pistola biex ikun jista’ jżid ukoll ħames skrataċ oħra.
Fit-triq, l-Ispettur Keith Arnaud iddikjara li ra sitt skrataċċ waqt li rriżulta li ma kienx hemm iktar minn seba’ tiri sparati. Dan kien konfermat ukoll minn Lorin, li lill-Pulizija wera’ r-rotta li ħadu l-akkużati.
L-Ispettur Arnaud ikkonferma li Lorin iddikjara li kien hu li qed isuq il-karozza u li kien hu li spara fuq l-immigranti. Dan jaqbel max-xhieda taż-żewġ immigranti li ntlaqtu mit-tiri, imma salvaw, u li wkoll iddikjaraw li kien ix-xufier li spara fuqhom.
9:45: Ikompli jixhed l-Ispettur Arnaud li jiddikjara li fil-ħin tal-inċident, il-mobiles taż-żewġ akkużati kienu mitfija u nxtegħlu biss wara d-delitt. Qabel intfew, iż-żewġ persuni kienu flimkien, fl-istess post.
L-Ispettur ippreżenta dokumenti personali ta’ Lassana Cisse, (karta tal-identità u passaport Malti), kif ukoll ritratti tal-vettura Toyota Starlet meta nġabret mill-Barracks ta’ Ħal Safi u DVDs bl-interrogazzjoni ta’ kull imputat.
Tintemm ix-xhieda tal-Ispettur Keith Arnaud.
09:30: L-akkużati jiddaħħlu fl-awla. L-Ispettur Keith Arnaud se jkompli bix-xhieda tiegħu wara l-ewwel seduta tal-ġimgħa li għaddiet.
Iddikjara li l-ewwel interrogazzjoni ta’ Francesco Fenech saret fit-18 ta’ Mejju, li kkolabora dwar meta sar jaf li Lorin, fir-reklutaġġ f’Ottubru tal-2017. Hu kkonferma li ma kellux idea tal-immigrant maqtul f’Ħal Far.
L-Ispettur Keith Arnaud iddikjara li Fenech “ma jobgħodx lill-immigranti imma hu kontra li jiġu hawn Malta,” waqt li kkonferma li flimkien ma’ Lorin ġieli marru f’Ħal Far biex “jaqbdu mal-immigranti imma mhux b’mibgħeda imma bħala ċajt.”
Ikkonferma wkoll li kien preżenti fl-allegat hit & run li seħħ ftit qabel imma skont hu “dan l-immigrant tahom daqqa ta’ sieq fil-bieba, tefalhom xi ġebel u huma ma missewhx imma kisrulu r-rota.” Dan ir-rakkont ma jaqbilx mad-dikjarazzjoni ta’ Lorin Scicluna.
Francesco ċaħad li sparaw fuq xi qtates, imma kkonferma li flimkien ma’ Lorin ġieli sparaw b’air rifle fuq xi ħamiem u għasafar.
Dwar il-jum tal-omiċidju, Francesco kkonferma li filgħodu kien ma’ Lorin u telqu flimkien minn fejn kienu, iżda ċaħad li mar ma’ Lorin fil-post fejn seħħ l-omiċidju. Ma spjegax għaliex f’dak il-ħin, il-mobile tiegħu kien mitfi.
Persuna oħra li tkellmu miegħu l-Pulizija kien il-kuġin ta’ Francesco Fenech, li stqarr mal-Pulizija li kien wissieh biex ma jibqax jagħmilha “ma’ dawk it-tip ta’ nies għax Francesco kien ammetta miegħu li kienu jmorru jaqbdu mal-immigranti.”
L-istess persuna ddikjara li wara l-omiċidju kienu marru għandu kemm Lorin u Francesco u talbuh informazzjoni dwar kif jistgħu jixpakkaw barrel ta’ pistola … xi ħaġa li wissihom biex ma jagħmlux kummiedji għax hi xi ħaġa perikoluża.
Kompla li Francesco kkofnermalu li kien fil-post tal-qtil tal-immigrant imma li ma kienx hu li spara. Mal-Pulizija, Francesco baqa’ jiċħad anke meta affaċjat b’din ix-xhieda.
L-Ispettur Keith Arnaud tkellem ukoll dwar xhud ieħor, ħabib taż-żewġ persuni, li ddikjara li kien ikun magħhom għax kienu jmorru għall-kaċċa. “Ammetta li kien jaf bil-każ tal-immigrant li ttajjar kif ukoll dak tal-argument tal-immigrant li kien fuq ir-rota.” Dan ix-xhud iddikjara li l-immigrant irritalja meta offendewh bl-Għarbi, niżlu għalih u dan l-immigrant qabad iwaddbilhom il-ġebel.
Fil-każ tal-hit and run, l-istess immigrant kien qallu li b’dak li ġara, u li skont li qallu Francesco rawh f’nofs ta’ triq, tajjruh u baqgħu sejrin. L-istess xhud iddikjara li kien irċieva ritratt tal-windscreen imkisser, kawża ta’ dan il-każ.
Iktar kmieni: Minn hawn u ftit ieħor, quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, se jkompli l-każ kontra Lorin Scicluna u Francesco Fenech, akkużati fost oħrajn bil-qtil ta’ Lassana Cisse.
Fl-ewwel seduta ħareġ li l-akkużati kienu marru Ħal Far biex jisparaw fuq il-qtates imma meta ma sabux, iddeċidew li jaqbdu jisparaw fuq l-immigranti li sabu.
Hawn inqatel Cisse, ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Ivorju, waqt li ndarbu gravi tnejn oħra.
Segwi hawn l-aġġornamenti b’mod dirett ta’ dak li se joħroġ mis-seduta ta’ llum.
