Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wasal fi Brussell fejn attenda għal-laqgħa tal-Grupp tal-Partiti Popolari Ewropew.
Preżenti fost l-oħrajn kien hemm il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker u numru ta’ mexxejja oħrajn.
“Il-posizzjoni bħal dejjem hija li nħarsu l-interess ta’ pajjiżna, u naċċertaw li nagħtu appoġġ sħiħ lil dawk li jippreżentaw l-interessi ta’ pajjiżna” – Adrian Delia.
Is-summit iffoka fuq l-elezzjonijiet li saru l-ġimgħa li għaddiet fejn ġew eletti l-MEPs il-ġodda.
Fil-fatt, il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea diga’ bdew in-negozjati dwar min se jassumi l-karigi ewlenin tat-tmexxija tal-Unjoni għall-ħames snin li ġejjin. Dan wara li l-elezzjonijiet tal-ġimgħa l-oħra li kkonfermaw kisbiet għal-liberali u l-Ewro Xettici…ghalkemm il-Partit Popolari Ewropew jibqa’ l-akbar grupp politiku, b’180 siggu.
Karigi oħra ta’ importanza kbira li jridu jintgħażlu din is-sena huma għat-tmexxija tal-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali tal-Ewropa. Iridu jintgħażlu wkoll l-Uffiċjal li jieħu ħsieb il-politika barranija tal-Unjoni Ewropea u l-Kap tal-Kunsill Ewropew, li jlaqqa’ lill-Mexxejja tat-28 Stat-Membri tal-Unjoni.
In-negozjati mistennija jdumu diversi ġimgħat u f’każ li t-taħditiet jieħdu fit-tul iżżejjed, l-Unjoni Ewropea tkun qed tissogra sitwazzjoni ta’ staġnar istituzzjonali, bil-konsegwenza li ma tkunx tista’ tieħu numru ta’deċiżjonijiet politiċi importanti.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.




