Lokali

Ikompli l-każ fil-konfront ta’ Liam Debono

Liam Debono

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud kompliet tinstema’ x-xhieda kontra Liam Debono, akkużat li nqabad mill-ġdid isuq bla liċenzja u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti ordnat lill-Pulizija jippubblikaw ritratti li ħarġu fil-media ta’ Brian Abela li huwa sid il-karozza li kien qed isuq Liam Debono meta nqabad, kif ukoll ta’ Jason Zammit li hu l-persuna li kienet ma’ Debono meta ġie arrestat f’Ħal Luqa. Dan wara li ma nstabux meta l-Pulizija marru għalihom biex huma jixhdu.

Il-Maġistrat Joe Mifsud ordna li Abela u Zammit jitpoġġew fuq il-lista tal-persuni mfittxija.

Qabel bdiet is-seduta, l-akkużat informa lill-Qorti li l-avukat tiegħu ma jridx jidhirlu f’dal-każ.  Il-Qorti kkuntattjat lill-avukat tal-Għajnuna Legali Victor Bugeja li se jkompli jidher għal Liam Debono f’dan il-każ.

L-Avukat Bugeja qal li Debono qed jilmenta li tpoġġa f’Diviżjoni 6 u ma ngħatax l-opportunità mill-Ħabs biex ikellem lill-ġenituri tiegħu bil-għan li jkun jista’ jikkordina l-mediċina li għandu bżonn jieħu.

Il-każ se jkompli fil-5 ta’ Ġunju meta fost ix-xhieda mistenni jittella’ missier Liam Debono.