Lokali

Il-Kunsill tal-Ewropa b’rapport ieħor kontra l-Gvern ta’ Muscat

Ġie approvat rappot tal-Kunsill tal-Ewropa li jikkundanna l-mod kif qed jopera l-Gvern ta’ Muscat.

Ir-Rapport tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, bit-titlu “L-assissinju ta’ Daphne Caruana Galizia u s-Saltna tad-Dritt f’Malta u lil hinn – nassiguraw li toħroġ il-verità kollha” jgħid li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-falliment tal-awtoritajiet li jidentifikaw min kien il-moħħ wara dan il-qtil iqajjmu dubji serji dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat.

Il-Gvern Malti għamel 50 emenda għal dan ir-rapport, li minnhom lanqas biss waħda ma ġiet approvata.

Ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa ifakkar fil-konklużjonijiet tal-Kummissjoni Venezja u tar-rapport GRECO li sabu li l-Prim Ministru jinsab fiċ-ċentru tal-poter politiku u li għandu poteri estensivi, fosthom li jappunta imħalfin u maġistrati inkluż il-Prim Imħallef u l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija, u membri tal-Kummissjoni Elettorali, l-Awtorità tax-Xandir, l-MFSA u tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni.

Ir-rapport jelenka lista twila ta’ nuqqasijiet marbuta ma’ ħasil ta’ flus, il-mod kif isiru diversi ħatriet fosthom dawk fil-ġudikatura, ir-rwol tal-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija, dubji dwar kif isiru l-inkjesti maġisterjali, il-mod kif qed jiġi mminat ix-xogħol tal-Ombudsman u l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, in-nuqqas ta’ għodda li ingħata l-Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja pubblika, l-involviment tal-FIAU f’għadd ta’ skandli, il-mod kif qed jitkisser id-dritt għall-informazzjoni meta jiġi miċħud aċċess għal dokument uffiċċjali, u kif il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni hija miżgħuda bin-nuqqasijiet.

Fir-rapport jissemmew ukoll il-Panama Papers, l-Electrogas, Adrian Hillman, il-Vitals, il-Bank Pilatus, Chris Cardona u b’mod prominenti Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Ir-rapport jixħet dubji serji ħafna dwar il-mod kif saru l-investigazzjonijiet fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u fil-konklużjonijiet tiegħu jirrakkomanda li l-awtoritajiet Maltin jimplimentaw ir-rakkomnadazzjonijiet kollha magħmulha mill-Kummissjoni Venezja, u mir-rapporti GRECO u Moneyval kif ukoll li ssir inkjesta indipendetnti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u kwestjonijiet oħra marbuta ma’ dan id-delitt – xi ħaġa li dwarha l-Kap tal-PN Adrian Delia ilu żmien twil jinsisti.

Intant, għax ħareġ rapport iebes kontra l-operat ta’ Kastilja, il-Gvern ħareġ qatta’ bla ħabel jikkritika lill-Kunsill tal-Ewropa.

Minflok ta reazzjoni oġġettiva għal dawn il-konklużjonijiet, il-Gvern ta’ Muscat għażel biss li jattakka lir-Rapporteur li ħejja dan ir-rapport.