M’għandhomx ikunu l-esperti li janalizzaw x’qed imur ħażin fil-Partit Nazzjonalista, iżda għandhom ikunu n-nies fl-aktar firxa wiesgħa tagħhom li jagħmlu dan il-proċess. U xogħol il-politiku hu li jisma’ dak il-messaġġ u jattwah.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt il-programm Dissett, fuq ix-Xandir tal-Istat, ftit jiem wara r-riżultat elettorali għall-Parlament Ewropew.
Adrian Delia kompla li r-riżultat ta’ tmiem il-ġimgħa jfisser li għalissa, il-poplu jrid iħalli lill-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni. Tenna li jaċċetta dan il-messaġġ b’umiltà, filwaqt li jifhem li l-poplu qed jgħid lill-Partit Nazzjonalista biex l-ewwel jara x’hemm bżonn isir internament qabel ma jgħid kif se jmexxi lill-pajjiż.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu persuna li ma jaqta’ qalbu qatt, minkejja l-isfidi li jkun qed jiltaqa’ magħhom minn żmien għal żmien.
Filwaqt li rrikonoxxa li ta’ tmiem il-ġimgħa kienet telfa kbira għall-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia kompla li ma jaqbilx mal-ispekulazzjonijiet bħalma ma qabilx mal-mod kif fuq ix-Xandir tal-Istat stess kien ingħad li d-distakk bejn iż-żewġ partiti kien aktar milli fil-fatt kien.
Filwaqt li bħala Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista l-ewwel irid jidħol fih innifsu biex jara xi jrid ibiddel, Adrian Delia kompla li l-Partit ma jridx ikun għall-partitarji Nazzjonalisti biss, iżda għall-Maltin u l-Għawdxin kollha, li jridu jaraw fil-Partit Nazzjonalista l-aħjar partit possibbli.
Hu rrikonoxxa li l-kurrenti jeżistu f’kull organizzazzjoni, iżda hu jrid jara li b’għaqal jibbilanċja l-mużajk ta’ ideat għal ħidma komuni.
Fost tibdiliet li mistenni jissuġġerixxi hu l-mod kif il-Partit Nazzjonalista se jippreżenta l-politika tiegħu. Għax ma jistax ikun li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ mgħajjar li hu negattiv meta hu l-aktar partit li qed joħroġ proposti. U dan juri d-diffikultà fil-mod kif qed jixxandar il-messaġġ.
Adrian Delia tenna x-xewqa tiegħu li jiftaħ aktar il-bibien għax iħoss li għandu jwessa’ aktar il-politika tiegħu biex jilħaq aktar setturi differenti. Fosthom iż-żgħażagħ, li jħoss li mhux qed jintlaħqu biżżejjed mill-Partit Nazzjonalista, u l-Għawdxin, li l-Partit irid jara aktar mill-qrib il-bżonnijiet tagħhom.
Mistoqsi dwar ir-riżenja ta’ David Stellini minn Deputat tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia spjega li din ma kinitx relatata bl-ebda mod mal-elezzjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa, iżda minħabba x-xewqa tiegħu li jerġa’ jgħix fi Brussell.
Hu rringrazzjah għall-impenn frisk tiegħu fil-politika Maltija u fil-Partit Nazzjonalista, filwaqt li esprima l-konvinzjoni tiegħu li min se jieħodlu postu fil-Parlament Malti se jkun ta’ kontribut bħalu.
//= $special ?>