Il-Partit Nazzjonalista kiseb il-maġġoranza tal-voti fil-Kunsill Lokali tal-Għasri.
Daniel Attard huwa s-Sindku elett ta’ din il-lokalità. F’kollegament ma’ Net News l-ewwel Sindku konfermat f’dawn l-elezzjonijiet huwa saħaq li din hija esperjenza mill-isbaħ u rringrazzja lil dawk kollha li reġgħu tawh il-fiduċja.
Flimkien ma’ Daniel ġew eletti wkoll Emmanuel Mintoff u Salvu Felice Pace. Għal Partit Laburista ġew eletti Mintoff Liza u Sammy Saliba.
Għaldaqstant ġew eletti tlett kunsilliera Nazzjonalisti u żewġ kunsilliera Laburisti b’maġġoranza Nazzjonalista ta’ 54% kontra 46% tal-Partit Laburista.
Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista żamm il-maġġoranza tiegħu wkoll fil-lokalità tal-Fontana. Dan hekk kif Saviour Borg ġie elett bħala Sindku filwaqt li filmkien miegħu ġew eletti Josephine Camilleri u Carmel Farrugia.
Għall-Partit Laburista ġew eletti Horace Micallef u Jonathan Cefai. Ta’ min wieħed jinnota li din il-lokalità ġiet deċiża b’xejn inqas minn 4 voti.
Fil-Lokalità ta’ Għajnsielem, il-Partit Nazzjonalista kiseb 68.7% kontra l-31.1% tal-Partit Laburista.
Keven Cauchi ġie elett bħala Sindku fejn miegħu ġew eletti, Franco Ciangura, Stephen Mercieca u Teddy Saliba. Għall-Partit Laburista ġie elett Larry Buttigieg.
Fin-Nadur, Edward Said ġie konfermat Sindku għan-nom tal-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ Eucharist Camilleri u Josef Frank Camilleri.
Għall-Partit Laburista ġew eletti Joseph Vella u Jean Paul Portelli.