Atletika Lokali Sport

Jaslu l-ewwel żewġ midalji tad-deheb

Fit-tieni ġurnata, waslu l-ewwel midalji tad-deheb għal Malta mill-atletika. Lisa Marie Bezzina rebħet it-tellieqa tal-5,000 metru tan-nisa filwaqt li Jordan Gusman rebaħ it-tellieqa tal-irġiel fl-istess kategorija. Jordan Gusman iddomina t-tellieqa tal-5,000 metru b’ħin dominanti ta’ 14:00.40.

Jekk il-midalja ta’ Gusman kienet ftit mistennija, dik ta’ Bezzina waslet wara kontroversja. Dan wara li daqqet il-qanpiena li tindika l-aħħar dawra, meta fil-verità kienet temmet it-tellieqa. Bezzina naqqset, b’Meropi Panagiotou taqsam il-linja finali tad-dawra żejda qabilha. Il-ġurija dehru li se jagħtu r-rebħa liċ-Ċiprijotta, b’Malta kienet lesta tipprotesta.

Finalment rebaħ is-sens komun u Bezzina kienet dikjarata rebbieħa f’16:55.05, b’Mona Lisa Camilleri ttemm ir-raba’ f’17:19.59. Minbarra t-tnejn deheb, Ian Paul Grech rebaħ il-bronż fil-long jump bl-aħjar qabża ta’ 7.15 metri filwaqt li Paula Grech temmet it-tielet fit-800 metru b’ħin ta’ 2:09.85, fid-debutt tagħha fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.

Damien Mizzi kkwalifika għall-finali tal-400 metru bl-aħjar ħin ta’ 48.68 sekonda. Fil-heats tal-100 metru, Jacob Elaida Chaffey temm il-ħames f’11.23 sekonda u ħuh Omar ikkwalifika f’ħin ta’ 11.16 sekonda. Iżda sfortunatament Omar weġġa l-hamstring wara l-ewwel 60 metru u temm it-tmien post f’15.12. Fil-100 metru tan-nisa, Charlotte Wingfield iddiżappuntat b’ħin ta’ 12-il sekonda u spiċċat fil-ħames post.