Kunsilli Lokali Lokali

Eletti 14-il Sindku ġdid

Is-Sindku ta' San Ġiljan Albert Buttigieg
Graziella Galea kienet l-aktar li ġabet voti minn fost il-kandidati kollha tal-PN

Diġa’ huma 14 is-Sindki l-ġodda f’numru ta’ lokalitajiet madwar il-pajjiż, hekk kif l-Erbgħa sar l-ewwel proċess ta’ għadd tal-voti u bdew ħerġin ir-riżultati tal-elezzjonijiet li saru s-Sibt li għadda.

Il-Partit Laburista se jkollu 11-il Sindku ġdid, fosthom fil-Belt Valletta u San Pawl il-Bahar fejn kiseb maġġoranza. Il-PN se jkollu Sindki ġodda fi tliet lokalitajiet.

In-nutar Dorian Sciberras ġie elett Sindku gdid fl-Iklin. Kevin Cauchi elett Sindku tal-PN f’Għajnsielem. U Albert Buttigieg se jkun is-Sindku il-ġdid tal-PN f’San Ġiljan.

Għall-Partit Laburista kien hemm tibdil sinifikanti fil-Marsa, Had-Dingli u anke ż-Żurrieq fejn hemmhekk Rita Grima għelbet lil Natius Farrugia li m’għadux Sindku.

F’dawn l-elezzjonijiet, il-PN eleġġa numru ta’ uċuħ ġodda kif ukoll kunsillieri żgħażagħ; Sean Gauci f’San Giljan – l-iżgħar kunsillier elett s’issa f’isem il-PN – Emanuel Zammit fl-Iklin, Gabriel Micallef fil-Mellieha, Courtney Farrugia f’Santa Venera, Doriana Portelli f’Birzebbuga, Josef Frank Camilleri fin-Nadur u Kyle Mifsud iz-Zurrieq.

Darren Carabott ġie elett Minority Leader gdid f’Santa Venera. Desiree Vella Brincat se tkun Minority Leader f’Pembroke, Ivan Castillo Minority Leader fil-Mellieha, Amanda Abela Minority Leader fiż-Żejtun filwaqt li Graziella Galea se tkun Minority Leader f’San Pawl il-Bahar – lokalita’ li fiha l-PL elegga kandidat ta’ 17-il sena, Carlos Zarb.

Interessanti l-fatt li Graziella Galea ġabet aktar minn 1,600 vot – l-akbar ammont ta’ voti mhux biss mill-kandidati tal-PN iżda mill-kandidati nisa kollha li l-Erbgha kien qed isir l-għadd tal-voti tagħhom. L-aktar kandidat li gab voti kien is-Sindku l-ġdid ta’ Ħal Tarxien Joseph Abela li ġab 2,830 vot.

F’dawn l-elezzjonijiet, l-uniku kandidat indipendenti li ġie elett kien Steve Zammit Lupi li kkontesta ghall-Kunsill ta’ Haz-Zebbug, u waħdu ġab mal-elf vot.

Is-Sindku tal-Belt Alfred Zammit
Il-Viċi Sindku tal-Belt Ray Azzopardi