Sport

GSSE 2019: Andrew Chetcuti jżid midalja oħra fl-aħħar ġurnata tal-għawm

(Ritratt: Matthew Mirabelli)

It-tim nazzjonali Malti tal-għawm għalaq it-tlett ijiem tiegħu b’riżultat sodisfaċenti hekk kif inkisbu ħames midalji tal-fidda u ħamsa tal-bronż. Għal Chetcuti din kienet it-tielet midalja personali f’din l-edizzjoni u tella t-total tiegħu fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar għal 16. Hu spiċċa t-tieni fil-50 metru butterfly f’24.61 sekonda, b’Harry Stacy itemm fis-sitt post f’24.61.

L-istess żewġ għawwiema kienu fl-azzjoni fil-50 metru freestyle u fallew il-midalja bi ftit iżda spiċċaw it-tnejn fir-raba’ post f’23.22 sekonda. Francesca Falzon Young spiċċat it-tellieqa f’27.56 sekonda u għamlet ħin ta’ 29.94 fil-50 metru butterfly. L-istess għawwiema ħadet sehem fil-50 metru backstroke u spiċċat fil-ħames post f’31.05 sekonda.

Thomas Wareing spiċċa d-disa’ fil-50 metru backstroke iżda għamel l-aħjar ħin personali f’28.53. Michael Stafrace spiċċa s-sitt post fil-100 metru breaststroke f’1:06.30 filwaqt li Alexandra McGonigle temmet il-ħames f’1:15.96 u spiċċat qabel Amy Micallef li daħlet f’1:16.27.

Mya Azzopardi għamlet it-tieni rekord nazzjonali f’jumejn meta waqqfet l-arloġġ tal-400 metru medley f’5:06.06. Mikhail Umnov temm il-ħames f’4:44.61. Fil-200 metru freestyle, Matthew Galea għamel ħin ta’ 1:57.53 filwaqt li Dylan Cachia spiċċa t-tellieqa f’1:58.74. Fl-istess tellieqa iżda tan-nisa, Michee van Rooyen spiċċat il-ħames f’2:07.12 u Sasha Gatt temmet f’2:12.96.

It-tim tan-nisa tal-4×100 medley magħmul minn Mya Azzopardi, Amy Micallef, Martina Valletta u Francesca Falzon Young spiċċaw fil-ħames post f’4:32.34. It-tim tal-irġiel magħmul minn Harry Stacy, Mikhail Umnov, Matthew Galea u Michael Stafrace għamlu ħin ta’ 3:51.81 iżda wkoll spiċċaw il-ħames.