Sport

GSSE 2019: Dan ir-riżultat se jiswa ħafna għalija fit-trap – William Chetcuti

San Marino 2001 u Montenegro 2019. Ħafna jistaqsu x’hemm komuni bejniethom. Dawn id-dati huma meta William Chetcuti rebaħ l-ewwel midalji f’dixxiplini tal-isparar. Fl-2001 kien rebaħ midalja tal-fidda fid-double trap filwaqt li din id-darba rebaħ il-fidda fit-trap.

Għalkemm kien qrib ħafna li jirbaħ id-deheb, Chetcuti qal li kuntent ħafna li ra l-ħidma tiegħu fit-trap li bdiet sena u nofs, tissarraf f’midalja. Hu saħaq li mhux faċli li jaqleb dixxiplina u għalhekk jinsab kuntent ħafna bir-riżultat finali.

“Din hi ta’ kuraġġ kbir għalija. Veru ġejt biċ-ċans għad-deheb imma biex inkun sinċier, kont diġà kuntent x’ħin kont naf li tal-anqas għandi bronż.” Hu żied li jemmen li dan ir-riżultat se jiswa ħafna għalih fit-trap.

Chetcuti kien mistoqsi dwar il-fatt li ħafna jistennew minnu minħabba s-suċċess miksub b’mod konsistenti. Hu kkonferma li dan hu piż għalih iżda fuq in-naħa l-oħra jemmen li hi ta’ motivazzjoni għaliex ifisser li dan hu sinjal li l-poplu Malti jemmen fih.