Sport

GSSE 2019: Eleanor Bezzina tagħti t-tielet deheb lil Malta

Malta kisbet it-tielet midalja tad-deheb f’din l-edizzjoni permezz ta’ Eleanor Bezzina li rebħet il-kompetizzjoni tal-10 metri Air Pistol. B’hekk hi tejbet fuq il-midalja tal-fidda miksuba sentejn ilu f’San Marino.

Bezzina kienet għaddiet għall-finali wara li spiċċat it-tieni fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni. Hi kisbet total ta’ 559 minn 60 target, wara li laqtet 93, 96, 93, 93, 93 u 91 minn kull għaxar targets.

Fil-finali, hi kienet aktar kunfidenti u mill-ewwel kienet ma’ ta’ quddiem fi dwell mal-avversarja minn Ċipru. Bezzina baqgħet konsistenti u meritatament spiċċat rebbieħa qabel il-koppja mill-Montenegro Jelena Pantovic u Nina Saranovic li kisbu l-fidda u l-bronż rispettivament.

Bezzina spiċċat b’total ta’ 231.8, 1.1 aktar minn Pantovic. Il-format tal-finali kien li l-ewwel jisparaw fuq żewġ rawnds ta’ ħames targets u wara żewġ targets tiġi eliminata tiratriċi sakemm ikun deċiż ir-rebbieħ.