Sport

GSSE 2019: Fidda għal Jordan Gusman u bronż għal Damien Mizzi fl-atletika

L-atleta ġab lejn pajjiżna midalja tal-fidda u oħra tal-bronż fit-tieni ġurnata, b’Jordan Gusman u Damien Mizzi jispiċċaw it-tieni u t-tielet fl-1,500 metru u l-400 metru rispettivament. Gusman temm it-tieni f’tellieqa li ma kienx qed jippjana li jikkompeti fiha u għal ftit ma spiċċax bir-rebħa hekk kif inqabeż fl-aħħar 100 metru. Damien Mizzi daħal it-tielet meta rkupra tajjeb fit-tieni nofs tat-tellieqa wara li deher distakkat mill-ewwel tlieta.

Paula Grech resqet qrib ir-rekord nazzjonali ta’ Tanya Blake iżda temmet ir-raba’ u żewġ sekondi bogħod mir-rekord, f’dik li kienet biss it-tielet tellieqa tagħha f’din il-kategorija. Charlotte Wingfield spiċċat ir-raba’ wkoll f’24.71 iżda fil-heat u se ttellaq illum fil-finali tal-200 metru.

Fil-Long Jump Claire Azzopardi kisbet l-aħjar riżultat personali b’qabża ta’ 5.95 metri iżda spiċċat tliet ċentimetri biss bogħod mill-bronż. Rebecca Sarè qabżet 5.65 metri u temmet fis-sitt post.

Jacob Elaida Chaffey naqas li jagħmilha għall-finali tal-200 metru meta temm fid-disa’ post, b’ħuh Omar ma tellaqx minħabba li weġġa’ ġurnata qabel. Fl-azzjoni wkoll kien hemm Mona Lisa Camilleri fl-1,500 metru, u Luke Micallef fit-3,000 metru steeplechase.