Sport

GSSE 2019: Fidda għal William Chetcuti fit-trap

(Ritratt: Kumitat Olimpiku Malti)

William Chetcuti kiseb l-ewwel midalja tiegħu fit-trap meta kklassifika fit-tieni post fil-finali, f’dik li kienet is-sitt midalja għalih fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Chetcuti ilu jipprattika din id-dixxiplina għal madwar sena u nofs minħabba li d-double trap inqata’ mill-Olimpjadi.

Il-Malti tilef biss il-midalja tad-deheb b’shoot-off, biċ-Ċiprijott Nikolas Kyriakou jirbaħ id-deheb għal skor finali ta’ 48 favur Kyriakou u 47 favur Chetcuti. Iċ-Ċiprijott l-ieħor Andreas Makri rebaħ il-bronż. Fatt interessanti kien li fost dawk li kkompetew, ħadet sehem it-tiratriċi minn San Marino Alessandra Perilli li waslet sal-finali u temmet fil-ħames post.

Chetcuti kien għadda għall-finali wara li kiseb l-ewwel post fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni. Hu laqat 119-il plattina minn 125 u f’żewġ rawnds għamel straight ta’ 25. It-tiratur Malti spiċċa ndaqs maċ-Ċiprijott Andreas Makri u kellhom bżonn shoot-off li Chetcuti rebaħ biex b’hekk beda l-finali minn pożizzjoni numru 1. Din il-fażi ntlagħbet bejn ilbieraħ u llum, b’Chetcuti laqat 25, 22 u 24 filwaqt li dalgħodu laqat 25 u 23.

Diżappunt għal Brian Galea li ma kkwalifikax għall-finali bejn is-sitt tiraturi, wara li temm fis-seba’ post. Galea falla l-finali għal plattina b’total ta’ 115-il plattina. Fl-aħħar żewġ rawnds tal-lum, Galea laqat darbtejn 24 plattina iżda patta qares għall-ewwel żewġ rawnds li laqat 21 u 22.

Chetcuti jerġa’ jkun fl-azzjoni għada fid-double trap flimkien ma’ Gianluca Chetcuti, li sentejn ilu kien rebaħ din id-dixxiplina f’San Marino.