Sport

GSSE 2019: Finali tat-trap għal William Chetcuti u finali tal-air pistol għal Eleanor Bezzina

William Chetcuti se jilgħab il-finali tat-trap wara li kklassifika fl-ewwel post fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni. Chetcuti laqat 119-il plattina minn 125 u f’żewġ rawnds minnhom għamel straight ta’ 25. Hu spiċċa bi skor indaqs maċ-Ċiprijott Andreas Makri u kellhom bżonn shoot-off li Chetcuti rebaħ. Din il-fażi ntlagħbet bejn ilbieraħ u llum, b’Chetcuti laqat 25, 22 u 24 ilbieraħ filwaqt li llum laqat 25 u 23.

Diżappunt għal Brian Galea li ma kkwalifikax għall-finali bejn is-sitt tiraturi, wara li temm fis-seba’ post. Galea falla l-finali għal plattina b’total ta’ 115-il plattina. Fl-aħħar żewġ rawnds tal-lum, Galea laqat darbtejn 24 plattina iżda patta qares għall-ewwel żewġ rawnds li laqat 21 u 22.

Finali wkoll għal Eleanor Bezzina fl-10 metri Air Pistol. Hi kisbet total ta’ 559 minn 60 target biex spiċċat fit-tieni post fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni. Hi laqtet 93, 96, 93, 93, 93 u 91 minn kull għaxar targets. Il-finali tkun kontestata minn tmienja u tibda fis-2.30pm.